Żewġ kuntisabbli tal-Pulizija żgħażagħ, Rika Mifsud Grech ta’ 22 sena residenti l-Floriana u Jurgen Falzon ta’ 24 sena li joqgħod Santa Venera, inżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja fuq użu ta’ vjolenza eċċessiva li wasslet għal ġrieħi gravi u trattament ħażin fil-konfront ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija.

Fil-jiem li ġejjin għandu jitressaq Pulizija ieħor bl-istess akkużi u li għadu ma tressaqx minħabba li jinsab rikoverat l-isptar Mater Dei. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-Prosekuzzjoni qalet li nhar il-Ġimgħa tliet Pulizija ressqu ilment li tliet membri oħra tal-korp waqt ix-xift ta’ filgħaxija kienu jsibu l-barranin jgħabbuhom u jiħduhom f’post imwarrab Ħal Qormi, isawtuhom u jħallihom hem midruba.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Kaylie Bonett u Anthony Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit qalet li dawn il-Pulizija taw xhieda bil-ġurament. Dan wassal biex tliet uffiċjali jiġu arrestati u interrogati.
Ingħad li ġew identifikati tnejn mill-vittmi li allegatament ġew imsawta u l-ieħor għadu ma nstabx għalkemm jafu min hu. Id-difiża talbet għal divjet fuq l-ismijiet bit-talba ma tiġix milqugħa mill-Qorti, Id-difiża staqsiet jekk hemmx ċertifikati ta’ ġrieħi gravi.
Il-Prosekuzzjoni wieġbet fin-negattiv għax ma qablitx. Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li s-suppost vittmi qatt ma resqu ‘l quddiem u qatt ma lmentaw li weġġgħu u m’hemmx ċertifikat ta’ ġrieħi. L-avukata ta’ Rika, Veronique Dalli qalet li ilha Pulizija 18-il xahar biss u ntbagħtet mill-ewwel fl-għassa tal-Ħamrun bid-diffikultajiet kollha li hmemm. Qalet li hemm dubji fuq il-kollegi tagħhom li għamlu r-rapport u staqsiet jekk għandhomx x’jaħbu huma wkoll.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li kull min ikun f’Malta, Malti jew barrani, irid jimxi mal-liġijiet ta’ Malta u min jagħżel triq oħra għandu jiġi ripatrijat. Qal li f’dan il-każ l-imputati għadhom preżunti innoċenti sakemm jiġi ddikjarat mod ieħor. Qal li l-Qorti ma tistax tagħlaq għajnejha għal dawn l-akkużi serji li jistgħu jwasslu għal tensjoni soċjali u tħarbat ħidma sfiqa tal-Pulizija.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti talbet biex jinżammu ‘l bogħod minn persuni li setgħu wettqu investigazzjoni fil-konfront tagħhom Għal Jurgen Falzon deher l-Avukat Edmund Cuschieri.
//= $special ?>