It-televiżjoni tal-Istat spiċċat il-mira ta’ hackers li tellgħu messaġġ viżiv bi protesta ewlenija kontra l-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei. Il-hacking seħħ waqt li kien qed jitwassal bullettin tal-aħbarijiet u fejn f’ħin minnhom dehret maskra fuq l-iskrin, segwita minn xbiha ta’ Khamenei bil-fjammi telgħin minn madwarha. L-interruzzjoni damet biss għal ħin limitat sakemm is-servizz irritorna għan-normal.
Il-grupp responsabbli mill-hacking jismu Adalat Ali jew ‘Ġustizzja ta’ Ali’ u din il-forma ta’ protesta seħħet wara li l-qawwiet tas-sigurtà Iranjani kienu qatlu numru ta’ nies waqt dimostrazzjoni oħra ta’ rabja dwar il-mewt traġika tal-mara żgħażugħa Mahsa Amini.
Din il-mara kienet tilfet ħajjitha l-isptar fis-16 ta’ Settembru wara li spiċċat arrestata mill-Pulizija Iranjana għall-Ħarsien tal-Moralità li spiċċaw jimmaltrattawha talli hi ma kenitx liebsa x-xalla tar-ras skont il-liġijiet Iżlamiċi.
Mewtha qed tiġġenera mewġa bla preċedent ta’ protesti madwar l-Iran, bil-hackers anki jibgħatux- xbihat ta’ Khamenei ‘fil-mira ta’ snipers’ flimkien ma’ ritratti ta’ Amini u ta’ nisa oħrajn li nqatlu waqt l-aħħar protesti. Intbagħtu wkoll messaġġi ‘biex in-nies iqumu kontra r-reġim Iżlamiku’ u li ‘Khamenei għandu jdejh imċappsin bid-demm tal-vittmi tiegħu.’
Dawn il-messaġġi ta’ sfida kontra l-Ayatollah Khamenei huma rari għall-aħħar peress li huwa l-aktar persuna b’saħħitha u influwenti fl-Iran. Madankollu, il-mewta ta’ Mahsa Amini illum wasslet għal ‘terremot ta’ għadab’ tant li r-reġim f’Tehran, li ilu jamministra mill-1979, jinsab imħasseb sew dwar il-futur tiegħu.
//= $special ?>

