Futbol Sport

Premier League Ingliż: Arsenal jerġgħu jaqbżu l-ewwel b’rebħa drammatika fuq Liverpool fl-Emirates Stadium

Crystal Palace v Leeds Utd 2-1

Eberechi Eze skorja l-gowl deċiżiv fir-rebħa ta’ Crystal Palace, 2-1, fuq Leeds United f’Selhurst Park. Ir-riżultat kien xieraq wara li l-Eagles wieġbu b’determinazzjoni għall-vantaġġ bikri tal-Yorkshiremen u b’din ir-rebħa – li hi wkoll l-ewwel waħda għalihom f’ħames logħbiet tal-kampjonat – huma qabżu fil-15-il post tal-klassifika, bi tliet punti vantaġġ fuq iz-zona l-ħamra. Kienu Leeds li fetħu l-aħjar meta Pascal Struijk (10) sammar ġewwa għall-1-0 wara li Brenden Aaronson kien ra t-tentattiv tiegħu jaħbat mal-lasta. Leeds komplew jagħfsu, b’Patrick Bamford jimpenja mill-ġdid lill-gowlkiper Vicente Guaita, iżda l-logħba daret favur Palace meta Odsonne Eduard (24) għamilhom 1-1 bir-ras fuq il-freekick ta’ Michaela Olise. Fit-tieni taqsima, Palace ħarġu jfittxu l-gowl tar-rebħa, bid-difensur ta’ Leeds, Kristensen, iwettaq clearance eċċellenti biex jevita gowl ċert għal Jordan Ayew. Iżda l-gowl kien fl-ajru u wasal fis-76 minuta meta Eze qabeż numru ta’ difensuri u spara xutt li ma jaħfirx fir-rokna tax-xibka – bil-gowlkiper Meslier megħlub għal kollox.

West Ham U v Fulham 3-1

West Ham United ukoll dawwru telfa f’rebħa, 3-1, kontra Fulham f’derby ieħor tal-kapitali li ntlagħbet quddiem pubbliku numeruż fil-London Stadium. Fulham, li qed ikollhom staġun tajjeb, bdew il-logħba fuq nota pożittiva, b’Andreas Pereira jiskorja minn angolu diffiċli għall-1-0 wara biss ħames minuti u wara li hu approfitta minn żball banali ta’ Kurt Zouma. Iżda man-nofs siegħa, Pereira spiċċa jiffawlja lil Craig Dawson fil-kaxxa waqt azzjoni minn korner – b’Jarrod Bowen jagħmel l-iskor 1-1 mill-penalty-spot. Intant, il-plejer deċiżiv kellu jkun l-eks attakkant ta’ Sassuolo, Gianluca Scamacca (62) li – wara li kien tilef xi azzjonijiet tajbin – poġġa lill-Hammers fil-vantaġġ b’’lob’ preċiż minn fuq ras il-gowlkiper Bernd Leno. Il-gowl kien ikkonvalidat mir-referi Chris Kavanagh wara evalwazzjoni fit-tul mill-VAR. Għaxar minuti mit-tmiem, Scamacca ċeda postu lil Michail Antonio, bis-sostitut jara t-tentattiv tiegħu salvat minn Leno — u bil-gowlkiper ta’ Fulham imbagħad jitfixkel ma’ sieħbu Tim Ream f’sitwazzjoni li permettiet lil Antonio (90+1) biex jixħet f’xibka vojta għat-3-1 finali.

Arsenal v Liverpool 3-2

Arsenal urew mill-ġdid li se jkunu forza fil-kampjonat wara ħafna snin, b’rebħa impressjonanti – u mill-aktar drammatika – fuq Liverpool, 3-2, fl-Emirates Stadium. B’hekk it-tim ta’ Mikel Arteta kompla bil-vena pożittiva wara r-rebħa tal-ġimgħa l-oħra fuq Tottenham Hotspur u meta huma, issa, jinsabu kmandi tal-klassifika tal-Premier League b’punt vantaġġ fuq iċ-Champions, Manchester City. It-tim żgħażugħ tal-Gunners qed jilgħab b’aktar spirtu liberu u kunfidenza mill-istaġuni preċedenti u ma setgħux kellhom bidu aħjar, meta Gabriel Martinelli poġġihom fil-vantaġġ wara biss 58 sekonda – u bid-difiża ta’ Liverpool taffordjalu l-ispazju kollu meħtieġ biex jegħleb lil Alisson Becker. Ir-reazzjoni ta’ Liverpool, iżda, kienet immedjata u huma bdew ikunu dominanti f’nofs il-grawnd tant li ma kenitx sorpriża li Darwin Nunez (34) għamilhom 1-1 mill-viċin fuq l-assist ta’ Luis Diaz. Iżda l-aħħar kelma qabel il-mistrieħ kienet ta’ Arsenal u li waslet sekondi qabel il-mistrieħ meta, fuq kontra-attakk ta’ Martinelli, Bukayo Saka xeħet ġewwa għat-2-1 – bil-gowl pjuttost jasal kontra x-xejra tal-logħob sa dak il-ħin. Fit-tieni taqsima daħal Roberto Firmino minflok Diaz u l-Brażiljan kien mal-ewwel strumentali meta, fit-53 minuta, għamilhom 2-2 wara azzjoni personali. Il-gowl bħal donnu galvanizza lil Arsenal li bdew ikunu aktar perikolużi u fl-74 minuta – wara sekwenza ta’ xuttijiet fuq il-lasta ta’ Alisson – huma rebħu penalty għall-fawl fil-kaxxa ta’ Thiago Alcantara fuq Gabriel Jesus. Inkariga ruħu mill-ħdax il-metru Saka li ma żbaljax biex issiġilla din ir-rebħa importanti għall-Gunners.