L-attakkant prolifiku Norveġiż Erling Haaland mill-ġdid niżżel ismu fuq il-lista tal-iskorers fir-rebħa netta, 4-0, ta’ Manchester City fuq Southampton, fl-Etihad Stadium. B’dan ir-riżultat iċ-Champions Ingliżi qabżu mill-ġdid fil-quċċata tal-klassifika tal-Premier Ingliż, b’żewġ punti vantaġġ fuq Arsenal li llum huma impenjati ma’ Liverpool f’darhom. Il-gowl ta’ Haaland – l-aħħar wieħed f’dan il-konfront – kien l-20 gowl personali għan-Norveġiż mill-bidu tal-istaġun u meta hu kellu jistenna biss 13-il logħba biex jirrealizza dan it-tragward fil-kompetizzjonijiet kollha.
City fetħu fuq l-attakk mill-ewwel minuta u Haaland sab ruħu żmarkat fil-kaxxa iżda hu, għal darba, falla, bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta. Iżda għal dan ħaseb id-difensur Joao Cancelo li fl-20 minuta ġera għall-pass ta’ Phil Foden qabel qabeż lil Ward-Prowse u sab ir-rokna tax-xibka b’xutt preċiż. Tnax-il minuta wara kellu jkun Foden li għamel l-iskor 2-0 b’chip minn fuq il-gowlkiper Basuni u wara suġġeriment tal-playmaker Belġjan Kevin de Bruyne. Il-gowl qata’ qalb is-Saints li jsalvaw xi ħaġa mil-logħba u fil-bidu tat-tieni taqsima City komplew ikabbru l-vantaġġ fid-49 minuta b’volley ta’ Mahrez fuq il-kross ta’ Rodri. Minn dak il-ħin kien kważi inevitabbli li Haaland kellu jagħti kontribut ieħor siewi u dan wasal fil-65 minuta meta n-Norveġiż spara ġewwa b’first timer wara xogħol tajjeb minn Cancelo għall-4-0 finali. Is-Saints, li issa sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva fil-kampjonat, kienu diżappuntanti tul il-logħba fejn rnexxielhom jindirizzaw biss żewġ xuttijiet lejn il-lasta tas-Citizens u li għaddew ferm għoli.
L-istaġun jidher li se jkun wieħed twil għal Leicester City li sofrew telfa oħra, din id-darba kontra Bournemouth u fejn naqsu milli juru titjib wara r-rebħa impressjonanti ta’ 4-0 tat-Tnejn fuq Nottingham Forest. Kienu l-Foxes li marru fil-vantaġġ fl-10 minuta meta Patson Daka qabad id-difiża taċ-Cherries fuq sieq waħda iżda huma naqsu milli jieħdu kmand tal-logħba anki jekk daħlu jistrieħu b’dan il-vantaġġ minimu. It-tieni taqsima kienet storja oħra, b’Bournemouth jixħtu kollox fuq l-attakk sakemm, fis-67 minuta, Philip Billing għamel l-iskor 1-1 b’volley mill-isbaħ. U erba’ minuti wara, Ryan Christie kien fil-post eżatt biex jiskorja l-gowl deċiżiv għaċ-Cherries fuq l-assist ta’ Solanke. Ir-riżultat ifisser li Leicester baqgħu ankrati fid-19-il post tal-klassifika b’erba’ punti biss mill-ewwel disa’ logħbiet tal-kampjonat.
Chelsea kisbu rebħa impressjonanti ta’ 3-0, fuq Wolves li għadhom mingħajr manager permanenti mindu keċċew lil Bruno Lage fi tmiem il-ġimgħa l-oħra. L-attakkant Ġermaniż Kai Havertz fetaħ l-iskor sekondi biss qabel il-mistrieħ meta d-daqqa ta’ ras tiegħu qarrqet għal kollox bil-gowlkiper Malheiro de Sa, u l-andament ma nbidilx fit-tieni taqsima, fejn Christian Pulisic fl-54 minuta rdoppja għall-Blues wara one-two ma’ Mason Mount. L-aħħar gowl f’din il-logħba wasal minn Armando Broja li, minuta mit-tmiem, skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Chelsea b’xutt fil-baxx li ma ta l-ebda ċans lil Sa.

Newcastle United komplew bil-mument maġiku b’rebħa 5-1 fuq Brentford f’St James Park u bil-Geordies, issa, jinsabu s-sitta fil-klassifika tal-Premier League, b’14-il punt minn disa’ logħbiet. Il-plejer tal-logħba kien Bruno Guimaraes li fetaħ l-iskor bi flying header fil-21 minuta b’Jacob Murphy jirdoppja fit-28 minuta wara li approfitta mill-iżball tal-gowlkiper Raya. Fit-tieni taqsima, Ivan Tone naqqas l-iskor fis-56 minuta permezz ta’ penalty iżda żewġ minuti wara Guimaraes għaqqad id-doppjetta għat-tielet gowl ta’ Newcastle fuq azzjoni tajba mibdija minn Miguel Almiron. Minn dak il-ħin kien hemm biss tim wieħed fil-grawnd, b’Almiron u awtogol ta’ Ethan Pinnock fit-82 u 90 minuta rispettivament ikomplu jżidu l-vantaġġ għall-Geordies.
L-attakkant internazzjonali Ingliż Harry Kane skorja t-tmien gowl personali tal-istaġun fir-rebħa, 1-0, ta’ Tottenham Hotspur fuq Brighton and Hove Albion fl-Amex Stadium. Id-daqqa ta’ ras ta’ Kane wara 22 minuta kienet biżżejjed biex tikkonsolida t-tielet post għal Spurs wara disa’ logħbiet u meta huma jinsabu tliet punti biss wara l-leaders Manchester City. Wara l-gowl ta’ Kane il-logħob kien pjuttost maqsum iżda Brighton bdew ġejjin aktar fil-logħba u kellhom diversi ċansijiet li jiksbu d-dro iżda fallewhom kollha. L-aħjar ċansijiet għas-Seagulls waslu f’daqjn Lewis Dunk, Solly March u Danny Welbeck waqt li Kane, fit-tieni taqsima, seta’ irdoppja għal Spurs iżda ra x-xutt tiegħu jgħaddi kemmxejn barra. Lejn l-aħħar tal-logħba, Kane spiċċa mweġġa wara li sofra tackle minn wara u meta l-iskwadra medika qed tevalwa l-livell tal-injury fost l-ansjetà li l-attakkant kapaċi jitlef l-impenji li jmiss fil-kampjonat u l-Ewropa.
//= $special ?>