Futbol

Premier League Ingliż: Man Utd jegħlbu lil Everton f’Goodison f’ġurnata memorabbli għal Cristiano Ronaldo

Premier League Ingliż: Man Utd jegħlbu lil Everton f’Goodison u ġurnata memorabbli għal Cristiano Ronaldo

Cristiano Ronaldo skorja s-700 gowl tiegħu  fuq livell ta’ klabb fir-rebħa, 2-1, ta’ Manchester United fuq Everton f’Goodison Park.

Everton kienu ġejjin minn sekwenza ta’ riżultati pożittivi iżda dehru inferjuri għar-Red Devils għal ħafna ħinijiet – anki jekk fetħu assedju fuq il-lasta ta’ David de Gea lejn l-aħħar ta’ dan il-konfront.

It-Toffees kellhom bidu qawwi, b’Alex Iwobi, kmieni fl-ewwel taqsima, jiżblokka r-riżultat wara żball banali f’nofs il-grawnd minn Casemiro.

Il-gowl bikri qajjem lil United li bdew jagħfsu lid-difiża ta’ Everton u l-winger Antony (15) kiseb parità b’xutt preċiż għar-rokna tax-xibka li ma ta l-ebda ċans lil Pickford.

B’hekk l-attakkant Brażiljan sar l-ewwel plejer ta’ Man Utd li skorja dejjem fl-ewwel tliet logħbiet tiegħu fil-Premier League u dan il-gowl ipprovda l-bażi għal United biex jieħdu kmand tal-logħba għall-kumplament tal-ewwel taqsima.

Intant, Ronaldo daħal bħala sostitut minflok Anthony Martial li kellu joħroġ wara li injury oħra. Iżda din il-mossa ħadmet bil-kbir, meta l-Portugiż sab ruħu żmarkat fuq it-through-ball ta’ Casemiro u għeleb mill-ġdid lil Pickford f’xutt fil-baxx għat-2-1.

Everton ippruvaw iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima iżda United baqgħu perikolużi u Marcus Rashford kellu gowl ( li kellu jkun it-tielet għar-Red Devils) imħassar mir-referi David Coote għall-ebda raġuni valida.

Fl-aħħar ħinijiet, Everton sfurzaw sensiela ta’ korners u de Gea kellu jwettaq save stupend fuq ix-xutt ta’ Garner, b’Amadou Onana ukoll imur viċin id-dro għat-Toffees.