Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs u multa fuq ġrieħi ħfief b’sikkina

Żagħżugħ mill-Mali li jgħix il-Marsa mar sitt xhur ħabs wara li ammetta li ħebb għal żagħżugħ ieħor fl-istess lokalità. Mohamed Keita ta’ 25 sena kien ammetta li fis-7 ta’ Settembru li għadda ħebb għal Fatherwor Etumuton, heddu u kkaġunalu ġrieħi gravi, liema akkuża niżlet għal ġrieħi ħfief.

Huwa ammetta ukoll li rreżista żewġ pulizija, li ġarr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ma sabitux ħati li kkaġuna lill-vittma ġrieħi ħfief għax qalet li meta kien qed jingħata l-għajnuna medika u mistoqsi jekk kellux xi ġrieħi wieġeb le.

Hija sabitu ħati tal-akkużi l-oħra fejn irrimarkat li l-ġlieda bejn l-akkużat u l-vittma nqalgħet għaliex Keita ssuspetta li Etumuton seraqlu l-mobile u wara li l-argument kiber attakka lill-vittma b’sikkina imma ma laqtux. Il-Maġistrat Farrugia sostniet li hija kienet qed tikkundannah piena ta’ ħabs effettiva għax “mhux aċċettabbli li f’soċjetà ċivili li għax jinqala’ argument bejn żewġ persuni, anke jekk għax persuna waħda tissuspetta li l-persuna l-oħra ikkomettiet reat, persuna tagħmel ġustizzja b’idejha u tħebb għall-persuna l-oħra b’sikkina”.

Qalet li fortunatament dan il-każ ma kellux konsegwenza għax in-nies fit-triq ċemplu immedjatament lill-Pulizija li intervjeniet. Minbarra s-sitt xhur ħabs huwa ġie mmultat €4,060. L-Ispettur Andy Rotin mexxa l-prosekuzzjoni.