Lokali

Tirritorna Festa Rkotta f’Ħal Kirkop

Wara nuqqas ta’ diversi snin, il-Ħadd irritornat festa rkotta  li saret fit-toroq ta’ Ħal Kirkop, festa li tfakkar diversi tradizzjonijiet Maltin fosthom kif issir l-irkotta.

Dan l-avveniment kien organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop b’għajnuna ta’ diversi voluntiera li ħejjew dimostrazzjonijiet interessanti fosthom kif isir ir-ravjul u l-ġbejna tal-irkotta.

Wieħed seta’ jsib affarijiet li jirrappreżenta l-kultura ta’ pajjiżna fosthom persuni li kienu qed jaħdmu l-bizzilla kif ukoll persuna partikolari li kellha mudelli varji tal-gallarija tipika ta’ Malta. Apparti dawn kien hemm ukoll ikel tipiku Malti fosthom ġbejniet, imqaret,  għasel u kannoli tal-irkotta.

Għal min xtaq jitgħallem iktar dwar l-istorja ta’ din il-lokalita’ kien hemm ukoll għadd ta’ tpinġijiet esposti għall-pubbliku f’numru ta’ toroq f’Ħal Kirkop. Matul il-ġurnata saru wkoll esebizzjonijiet tal-karozzi kif ukoll ta’ diversi annimali.

Barra minn hekk, waqt dan l-avveniment kien hemm diversi tipi ta’ artiġjanat Malti fosthom l-għana, folklor, mużika u divertiment ieħor għall-familja kollha li żgur taw il-ħajja lit-toroq ta’ Ħal Kirkop.