Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara inċident f’Għajn Tuffieħa

Żagħżugħ ta’ 30 sena jinsab l-isptar jissielet għal ħajtu wara li weġġa’ serjament f’Għajn Tuffieħa.

Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4:30pm waqt li kien qed jagħmel attivita` sportiva fil-limiti tal-Mellieħa.

Il-Pulizija marru fil-post tal-inċident u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li r-raġel residenti l-Gżira, sofra xi ġrieħi fl-aħħar parti tat-tellieqa waqt li l-parteċipanti kienu niżlin minn żurżieqa. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei minn membri tal-Malta Red Cross li kienu fil-post waqt l-attivita`.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea ġiet infurmata u ħatret inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.