Impenn għas-Saħħa Lokali Saħħa Xjenza u Teknoloġija

Il-Partit Nazzjonalista jassigura li f’pajjiżna jsir l-investiment meħtieġ fil-qasam tas-Saħħa Mentali

Il-kisba lura tad-dinjità li tant jixraqlu dan il-qasam sabiex jissalvaw il-ħajjiet hija prijorità assoluta għall-Oppożizzjoni

“Ejja nassiguraw li fis-saħħa mentali f’pajjiżna, ikun hemm l-investiment meħtieġ, bi sptar ġdid, bi swali ġodda, bi programmi ġodda fil-komunità u b’riżorsa umana b’saħħitha biex l-għan ikun wieħed, biex il-kwalita ta’ ħajja ta’ dawn il-pazjenti u l-familjari tagħmel qabża ‘l quddiem.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri

Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali, Ian Vassallo Hagi, biex jitfakkar il-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali.

Stephen Spiteri fakkar kif fis-saħħa mentali, taħt Gvern Laburista feġġew ħafna nuqqasijiet li qed jolqtu l-pazjenti kif ukoll lill-professjonisti.

Ritratt: Martin Agius

Stephen Spiteri fakkar kif Monte Karmeli spiċċa sptar medjokri li m’għandux ambjent addattat biex tingħata kura dinjituża lill-pazjenti bil-konsegwenza li qed jiżdied sostanzjalment il-mard mentali.

Taħt Gvern Laburista, dawn il-pazjenti spiċċaw tat-tieni klassi b’wegħdiet fiergħa ta’ sptar akut tas-saħħa mentali viċin Mater Dei li baqgħu ma mmaterjalizzaw qatt. Kien għalhekk li fakkar fil-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li Gvern immexxi minnu jwettaq din il-wegħda kif ukoll jimmodernizza s-swali f’Monte Karmeli.

Intant, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali, Ian Vassallo Hagi, fakkar kif strutturalment, professjonalment u anki fis-servizzi offruti fis-saħħa mentali, pajjiżna għadu lura ħafna u appella biex tinħoloq struttura ta’ sapport, kemm legali, finanzjarju u anki fid-dinja tax-xogħol, lil dawk il-pazjenti li jiġu rilaxxati minn Monte Karmeli lura fis-soċjetà:

“Irridu naraw kif nistgħu naħdmu biex l-istigma li tingħata lill-pazjenti li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali f’dan il-pajjiż tiġi eliminata.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali, Ian Vassallo Hagi

Ian Vassallo Hagi fakkar ukoll kif hemm nuqqasijiet kbar fuq il-formularju tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam mal-mediċini provduti b’xejn mill-Gvern hekk kif il-mediċina l-ġdida mhijiex tiżdied mal-formularju, bil-konsegwenza li jew il-pazjenti jieħdu mediċina antika li tingħata b’xejn jew ikollhom joħorġu minn buthom l-ispejjeż ta’ dawn il-mediċini ġodda meta jkunu mniżżla fuq ir-riċetta tat-tabib.

Ritratt: Martin Agius

Id-deputat Nazzjonalista appella ukoll lill-awtoritajiet sabiex jimbarkaw fuq programm edukattiv li jnaqqas l-istigma kif ukoll programm ta’ screening lill-istudenti fl-iskejjel, żgħażagħ fil-kulleġġi u l-postijiet tax-xogħol, nies li joħorġu mis-sistema edukattiva, anzjani kif ukoll nies f’solitudni ħalli dawk li jiltaqgħu ma’ problema f’ħajjithom, ikun faċli għalihom li jsibu l-għajnuna.

Finalment, il-kelliem għas-saħħa mentali ppropona għat-twaqqif ta’ tim t’emerġenza fil-psikjatrija li jaħdem id f’id il-ġurnata kollha mad-dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei sabiex jindirizza serjament ir-rata għolja ta’ suwiċidju, speċjalment fost it-tfal, żgħażagħ u dawk li jinsabu fid-dinja tax-xogħol.