Lokali Saħħa

Ċelebrazzjoni għall-Jum Dinji tal-Anestesija fl-Isptar Mater Dei

Fis-16 ta’ Ottobru jiġi iċċelebrat il-jum Dinji tal-Anestesija u din is-sena ser inkunu qed nikkommemoraw ukoll il-176 sena mill-ewwel darba li ngħata l-loppju pubblikament fil-Massachusetts General Hospital fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

Ir-rwol tal-anestetisti, ma jinvolvix biss l-għoti tal-loppju waqt l-operazzjonijiet, imma jinkludi wkoll il-provvediment ta’ servizzi oħra, bħal l-użu tal-loppju matul investigazzjonijiet, l-akkumpanjament ta’ pazjenti morda min sptar għall-ieħor jew pajjiż għal l-ieħor, kif ukoll it-tnaqqis u kontroll tal-uġigħ kemm akut, bħal pereżempju fl-uġigħ tal-ħlas, u kemm kroniku. L-anestetisti huma wkoll it-tobba responsabbli mill-pazjenti rikoverati fit-taqsima tal-kura intensiva (ITU) fl-isptar.

Matul il-pandemija tal-Covid-19, l-anestetisti kienu fuq quddiem nett fil-provvediment ta’ kura lill-pazjenti l-iktar kritiċi u morda fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt, fl-eqqel tal-pandemija kien hemm il-ħtieġa li jinfetħu numru oħra ta’ swali sabiex setgħet tiġi pprovduta l-kura lil dawn il-pazjenti u dan poġġa pressjoni kbira fuq l-anestetisti biex ilaħħqu ma’ din id-domanda hekk kbira.

L-Association of Anaesthesiologists of Malta (AAM) hija l-assoċjazzjoni uffiċjali li tirrapreżenta lil l-anestetisti fil-gżejjer Maltin u Għawdxin. Hija għandha rwol fundamentali biex tassigura li l-pazjenti jkomplu jirċievu kura ta’ l-aqwa kwalità u sigurtà. Dan tagħmlu permezz ta’ programmi ta’ taħriġ, eżamijiet lokali u internazzjonali, proġetti għat-titjib tal-
kwalità, riċerka u attivitajiet oħra.

Għaldaqstant, l-Association of Anaesthesiologists of Malta stiednu lill-pubbliku jingħaqad magħhom u jżuru l-stand tagħhom, nhar il-15 u s-16 t’Ottubru bejn 9.30am u 11.30am fil-foyer ta’ l-Isptar Mater Dei, biex iqajmu kuxjenza dwar l-anestetisti u x-xogħol ferm siewi tagħhom.