Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-ebda sinjali li r-Russja qed taħseb biex tintroduċi l-armi nukleari fil-konflitt

Organizzazzjoni għas-sigurtà u servizzi sigrieti fir-Renju Unit sostniet li ma hemm l-ebda sinjali ‘attwali’ li r-Russja qed tikkunsidra li tuża l-armi nukleari waqt il-gwerra fl-Ukrajna.

Sir Jeremy Fleming, li jmexxi lill-Government Communications Headquarters – magħrufa wkoll bħala l-GCHQ –  ma jaħsibx li hemm xi sinjali ta’ attività suspettuża min-naħa tar-Russja rigward dak kollu li għandu x’jaqsam mal-aspett nukleari.

L-analiżi, ftit jew wisq, hi l-istess bħal tal-uffiċjali tal-Istati Uniti u l-Punent – b’Jeremy Fleming, li kien mistieden fuq il-programm Today ta’ Radio 4, jagħmilha ċara li kwalunkwe diskors dwar l-armamenti nukleari għandu jitqies bħala ferm perikoluż.

Madankollu hu sostna li l-GCHQ għandha tara indikazzjonijiet speċifiċi f’sitwazzjoni fejn ir-Russja tkun qed tippjana xi attakk nukleari. Fil-fatt, Fleming qal li minkejja l-atroċitajiet li l-militar Russu qed iwettaq fl-Ukrajna bħalissa, jidher ukoll li Moska qed tifhem, ftit jew wisq, ir-riperkussjnijiet ta’ azzjoni ( nukleari) fuq skala hekk gravi u li għandha tħalli konsegwenzi għad-dinja kollha.

Filwaqt li ħafna ġurnalisti u uffiċjali influwenti f’Moska qegħdin iħeġġu  ‘attakk limitat bit-tactical nukes fuq l-Ukrajna’, numru ta’ osservaturi jemmnu li l-President Putin, jista’ mhux qed jaħseb biex jintroduċi ‘l-armi projbiti’ f’dan il-konflitt. anki jekk qiegħed jinsisti bil-politika ta’ aggressjoni.

It-tactical nukes huma armi nukleari għal zona speċifika fejn qed isiru l-kumbattimenti iżda l-effetti u fallout tagħhom għandhom tendenza li jinfirxu ħafna aktar fit-tul.

Sadanittant, jidher li l-gwerra qed iddur favur l-Ukrajna – bit-truppi ta’ Putin qegħdin jidhru eżawriti u demoralizzati f’diversi reġjuni Ukreni.

Hemm ukoll sinjali li t-truppi Russi mhumiex jirċievu biżżejjed provvisti u munizzjon biex jiġġieldu b’mod effettiv  u l-mobilizzazzjoni, mir-Russja,  ta’ priġunieri u rġiel mingħajr esperjenza militari  tindika l-livell taddisprament tal-Kremlin. Dan ukoll meta l-President Putin qed jispiċċa dejjem aktar iżolat fuq livell internazzjonali waqt li qed jippersisti bi żbalji li qegħdin jieħdu vantaġġ minnhom  l-Ukreni.

Fi żviluppi oħra, l-ibliet u l-infrastruttura tal-Ukrajna ntlaqtu mill-qawwiet tal-ajru tar-Russja għat-tieni jum konsekuttiv u wara l-istraġi tat-Tnejn, meta l-Armata Russa bumbardjat bla heda lil Kiev u bliet Ukreni oħrajn.

Is-Sindku ta’ Lviv irrapporta diversi blackouts tad-dawl wara li ntlaqtu l-faċilitjaiet tal-enerġija, bil-poplu Ukren qed ikun avżat biex jibqa’ fix-xelters u biex ma jinjorax id-daqq tas-sireni għal waqt ir-rejds tal-ajru.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-belt ta’ Zaporizhzhia mill-ġdid intlaqtet mill-missili tar-Russi, b’dan l-attakk iħalli numru ta’ vittmi minbarra li qered partijiet tal-bini tal-amministrazzjoni Ukrena fl-inħawi.