Lokali

Il-PN iniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni

Minflok sema mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu u lbieraħ ppubblika tliet abbozzi ta’ liġijiet fil-Gazzetta tal-Gvern u poġġihom fuq il-mejda tal-Kamra biex il-ġimgħa d-dieħla jkun jista’ jġiegħel lill-Parlament jiddiskutihom.

Il-Gvern qed jagħmel dan mingħajr ma’ għamel ebda konsultazzjoni pubblika effettiva dwar il-protezzjoni tal-midja u l-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni f’pajjiżna. L-abbozzi ta’ liġi li ressaq il-Gvern saru bil-moħbi u juru li l-Gvern beħsiebu jkompli jipprova joħnoq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni.

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliema tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u Claudette Buttigieg, intqal illi dak li ma jridx jagħmel il-Gvern ser jagħmlu l-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed iniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tal-midja u tal-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni f’pajjiżna. Fost oħrajn il-Partit Nazzjonalista ser ikun qiegħed jiltaqa’ ma’ dawk kollha li għandhom sehem fis-settur tal-midja f’pajjiżna, mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti, mal-ġurnalisti nfushom u mas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali.

Din il-konsultazzjoni pubblika għandha twassal biex fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-emendi kolllha meħtieġa biex il-liġijiet ta’ pajjiżna jibdew joffru protezzjoni akbar lill-midja u lill-ġurnalisti u jissaħħaħ id-dritt għall-informazzjoni f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista ser jagħmel din billi jisma’, jagħti każ u jinkludi l-proposti u s-suġġeriment li diġà qegħdin jagħmlu l-ġurnalisti nfushom u s-soċjetà ċivili.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jistieden lil kull min hu interessat sabiex jipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika billi jibgħat il-kummenti u s-suġġeriment tiegħu permezz tal-email: konsultazzjoni@pn.org.mt jew bil-posta fl-indirizz: Konsultazzjoni dwar il-Midja – Dar Ċentrali P.N., Triq Herbert Ganado, Tal-Pietà PTA 1450