Lokali Saħħa

“Il-politiċi mħeġġa biex jinvestu fis-saħħa mentali tat-tfal”

Il-politiċi qed jiġu mħeġġa jagħtu prijorità lis-saħħa mentali tat-tfal fl-isfond ta’ sentejn ta’ Covid u kwistjonijiet oħrajn internazzjonali li qed ikollhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji.

Hekk kif id-dinja llum qed tfakkar il-Jum tas-Saħħa Mentali, il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society qed issejjaħ lill-Membri Parlamentari u lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali biex jaħdmu fuq il-bidliet meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tfal iħossuhom kuntenti, mismugħa, sikuri u b’saħħithom.

Iċ-Chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u President tal-Eurochild Marie-Louise Coleiro Preca qalet: “Jeħtieġ li nagħtu widen lit-tfal. Nafu li l-pandemija aggravat is-saħħa mentali tat-tfal.”

Is-saħħa mentali taż-żgħażagħ sofriet aktar minħabba l-fatt li huma kienu sseparati minn sħabhom matul snin kruċjali fl-iżvilupp tagħhom, minħabba l-pandemija. Studju tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà wera li kważi 75% taż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-18-il sena qalu li kienu affettwati b’mod negattiv mill-pandemija.

Richmond Malta, fondazzjoni tas-saħħa mentali, din is-sena rrappurtat ukoll żieda allarmanti ta’ 1,045% fit-talbiet minn żgħażagħ li qed ifittxu għajnuna għal kwistjonijiet ta’ saħħa mentali mill-bidu tal-pandemija.

“L-istampa li qed naraw minn rapporti bħal dawn hija inkwetanti u l-esperti qed iwissu dwar konsegwenzi fit-tul – it-tfal għandhom bżonn azzjoni issa,” qalet Coleiro Preca.

Il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society saħqet li l-problemi tas-saħħa mentali ma kellhom l-ebda wiċċ, la nazzjonalità, l-ebda sess u lanqas razza — b’differenza mill-adulti, fid-dinja tat-tfal dak li jiġri lill-“ieħor” jaffettwa lil xulxin.

Waqt żjara li l-Fondazzjoni għamlet illum lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dennis Vella Baldacchino, is-Sinjura Coleiro Preca tefgħet l-attenzjoni fuq is-sitt proposti li t-tfal stess għamlu f’manifest imħejji mill-Kunsill tat-Tfal fi ħdan il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, u li ġie mniedi s-sena l-oħra.

“Dan il-manifest jirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ 20,000 tifel u tifla li jgħixu Malta. Dan ifisser li wieħed minn kull ħames tfal li jgħixu f’Malta tkellmu dwar l-isfidi tas-saħħa mentali li huma u l-komunitajiet rispettivi tagħhom jiffaċċjaw. Il-politiċi sabu l-ħin biex jinfurmaw il-politika tagħhom billi jirreferu għal dan il-manifest? Se jiżguraw li l-istrutturi xierqa jkunu f’posthom?” staqsiet hi.

Il-Fondazzjoni mmarkat ukoll il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali billi bagħtet email lill-Membri Parlamentari kollha biex tfakkarhom f’dan il-manifest u ħeġġiġthom biex jirriflettu u jaġixxu fuq l-aspirazzjonijiet tat-tfal.

Il-manifest, li tfassal wara snin ta’ ħidma, diskussjonijiet u konsultazzjonijiet miċ-Children’s Hub ma’ eluf ta’ tfal, inqasam f’ħames pilastri — il-komunità u l-ambjent, is-saħħa u l-wellbeing, l-edukazzjoni, id-diversità u l-inklużjoni, kif ukoll drittijiet tat-tfal u l-parteċipazzjoni attiva.

Kull waħda mid-99 proposta hija rakkomandazzjoni mit-tfal infushom. Fit-taqsima dwar is-saħħa mentali, it-tfal ħeġġew lill-politiċi biex isaħħu u jirristrutturaw is-servizzi tas-saħħa mentali tat-tfal fil-komunità.

Huma talbu għall-ħolqien ta’ sistemi ta’ appoġġ soċjali u psikoloġiku adegwati għall-problema dejjem tikber tad-delinkwenza tal-minorenni, u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju u psikosoċjali akbar mill-istat għall-familji taħt il-linja tal-faqar u dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar.

It-tfal qed jipproponu wkoll li l-politiċi jiżviluppaw inizjattivi u kampanji dwar il-pożittività tal-ġisem (body positivity) u l-istima personali (self-esteem) li sfidaw l-effetti negattivi tal-midja.

“It-tfal huma l-esperti ta’ ħajjithom stess. Hija r-responsabbiltà tagħna li nisimgħuhom u naġixxu… Għandna bżonn azzjoni issa. Irridu ninvestu b’mod urġenti fis-saħħa mentali tat-tfal.”