Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha tal-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba magħmula mill-aħwa George u Alfred Degiorgio biex il-ġuri ikun pospost. Il-proċess ta’ ġuri li jinsab fil-qrib fejn l-aħwa huma akkużati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, omiċidju li allegatament wettqu fis-16 ta’ Ottubru tal-2017, wara li kienu qed isostnu li d-dritt tagħhom għal smigħ ġust jinkiser b’diversi modi li kieku l-proċess kellu jkompli quddiem ġurija.
L-akkużati mistennija jappellaw mid-deċiżjoni tal-Qorti fir-rigward il-ġuri. Sadanittant fuq it-talba ta’ ksur ta’ drittijiet tagħhom li huma mhux qed jingħataw l-opportunità li jkollhom difiża tax-xewqa tagħhom, il-Qorti qalet li se tisma l-każ fil-15 ta’ Novembru. Waqt l-għoti tad-deċiżjoni l-aħwa Degiorgio, li kienu preżenti fl-awla bl-espressjoni ta’ wiċċhom turi li kienu urtati bid-deċiżjoni.
Wieħed mill-aħwa, Alfred Degiorgio, kien għamel ukoll strike tal-ġuħ bi protesta. Din id-deċiżjoni tfisser li l-proċeduri kriminali kontra l-irġiel jistgħu jkomplu. Wieħed mill-irġiel involuti li poġġa l-bomba, Vince Muscat, diġà ammetta r-rwol tiegħu fl-assassinju u qed jiskonta sentenza ta’ 15-il sena ħabs wara patteġġament (ftehim). In-negozjant Yorgen Fenech qed jiġi wkoll akkużat ukoll li kkofoffa biex joqtol lill-ġurnalista.
F’rikors li kien ippreżentat quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, l-aħwa argumentaw li d-difiża tagħhom ingħatat daqqa ta’ ħarta mill-avukat tagħhom meta x-xahar li għadda ħabbar li mhux se jkompli jidher għalihom.
L-Avukat William Cuschieri kien nforma lill-qorti li ma kienx se jibqa’ jirrappreżenta lill-aħwa fil-każ. Il-Qorti minn naħa tagħa assenjat lill-aħwa żewġ avukati tal-għajnuna legali wara li naqsu milli jinnominaw avukat ieħor tal-għażla tagħhom.
Għal dawn l-aħħar ħames snin, l-aħwa Degiorgio kienu rappreżentati minnu. Id-difiża tagħhom, għall-inqas fil-bidu, kienet iffinanzjata minn Yorgen Fenech, li jinsab akkużat ukoll b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista. Sussegwentement l-aħwa ġew assenjati avukati tal-għajnuna legali, li fil-bidu rrifjutaw li jikkoperaw magħhom.
F’seduta preċedenti, l-avukati tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace u Martin Farrugia kienu talbu lill-qorti biex toħroġ miżura provviżorja li tipposponi l-ġuri u tagħtihom aktar żmien biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-muntanja ta’ provi f’dan il-każ.
Huma qed jargumentaw li ma jistax ikollhom difiża tajba fil-proċess mingħajr l-għajnuna tal-avukat ta’ fiduċja tagħhom, minħabba l-iskala u l-kumplessità tal-każ, li jinkludi madwar 15,000 dokument u erba’ gigabytes ta’ data. Sostnew ukoll li ma ngħatawx biżżejjed ħin biex isibu avukat ieħor tal-għażla personali tagħhom u ġew assenjati avukati tal-għajnuna legali kontra x-xewqat tagħhom stess.
Fid-dawl ta’ ċirkustanzi bħal dawn, l-akkużati qalu li qed ikunu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ xieraq li kieku l-proċess ikompli, liema talba tresspet mill-avukat tal-għajnuna legali l-Avukat Joe Bonnici maħtur speċifikament biex jippreżenta l-aħħar rikors kostituzzjonali tagħhom
Barra minn hekk, minħabba l-“bombardament” tal-midja li ġibed żvela il-każ tagħhom, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali, m’għandhom l-ebda garanzija u lanqas serħan tal-moħħ li xi ġurati potenzjali ma kinux se jisimgħu dwar dan il-każ, qed jallega l-avukat tal-aħwa Degiorgio.
“Kull ġurat ikun preġudikat mill-bidu nett u għalhekk mhux imparzjali peress li, billi jkun konxju direttament mill-fatti, l-ġurija tkun diġà waslet għall-konklużjonijiet fuqhom. Ma kien hemm l-ebda garanzija li kwalunkwe ġurat kien iħassar l-informazzjoni kollha qabel ma jibda l-proċess u kien jillimita ruħu biss għall-evidenza prodotta fil-qorti.
Konsegwentement, l-aħwa argumentaw li dan jikser id-dritt tagħhom għal smigħ ġust u għalhekk talbu lill-qorti tordna lill-Qorti Kriminali biex tissospendi l-proċess bil-ġurija sakemm din il-kwistjoni kostituzzjonali tiġi deċiża b’mod definittiv. Il-Qorti iżda minkejja dawn it-talbiet ċaħdet it-talba u ordnat li l-ġuri għandu jibda’.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Joseph Bonnici qed jirrappreżenta lill-aħwa Degiorgio fil-proċeduri kostituzzjonali. L-Avukati Carina Camilleri Testa u Maurizio Cordina qed jidhru għan-nom tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat rispettivament. L-Avukati Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Eve Borg Costanzi qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia.
//= $special ?>