Internazzjonali

Il-vittmi fl-Ukrajna jitilgħu għal 19

Tkompli tiddomina l-atmosfera ta’ biża’ fost il-poplu Ukren hekk kif ma’ sbieħ il-jum bdew jinstemgħu numru ta’ sireni fil-ħin li l-istudenti u l-ħaddiema kienu fi triqtom għax-xogħol u l-iskola. Xeni li reġgħu qanqlu biza’ kbira wara l-attakki li seħħew it-Tnejn.

L-attakk tat-Tnejn fuq numru ta’ bliet fosthom Kyiv, Kharkiv, Dnipro u Zaporizhzhia, ħalla madwar 19-il persuna mejta u iktar minn 100 persuna midruba… attakk li sar minn Moska b’ritaljazzjoni għal dak li Vladimir Putin sostna li kien att terroristiku li twettaq mis-servizzi speċjali Ukreni fuq il-pont li jgħaqqad ir-Russja mal-Krimea.

Intant il-kapijiet tal-pajjizi tal-G7 se jieħdu sehem f’laqgħa urġenti li se ssir llum fejn fost l-oħrajn se jiddiskutu l-aħħar bumbardamenti li seħħew fuq l-ibliet Ukreni

Jirriżulta wkoll li l-ħatra ta’ Sergei Surovikin bħala l-kmandant il-ġdid tal-Forzi Russi fl-Ukrajna qanqlet biza’ li b’dan il-pass se jkun hemm eskalazzjoni kbira fil-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna.