Dibattitu sħun qam fl-awla numru 11 tal-Qorti meta l-Avukat ta’ Keith Schembri qal li għandu nformazzjoni li Melvin Theuma ġie arrestat b’rabta mal-job fantażma li kien ingħata mill-Gvern. Huwa talab lill-Qorti biex tordna lill-Pulizija tivverifika jekk dan huwiex minnu jew le. Dak li qal l-Avukat Edward Gatt li flimkien mal-Avukat Mark Vassallo qed jidhru għal Keith Schembri kienet xniegħa persistenti li bdiet tidwi fil-kurituri tal-Qorti minn kmieni filgħodu.
Il-Maġistrat Monica Vella qalet lill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Nicholas Vella u Brian Paul Camilleri biex jivverifkaw dan mas-superjuri tagħhom. Ftit wara li ħarġu mill-awla biex jagħmlu din il-verifika, l-Ispetturi reġgħu sabu posthom u nfurmaw lill-Qorti li huma għamlu kuntatt mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa u l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo li nfurmawhom li Melvin Theuma ma kienx ġie arrestat.
Hawn l-Avukat Edward Gatt ma deherx konvint bir-risposta tal-prosekuzzjoni u qal li jekk jirriżulta mod ieħor “din mhux se tieqaf hawn u bi kbira se tkun.” Dan kollu seħħ meta kompla l-każ b’rabta mal-job fantażma li ħa Melvin Theuma fejn għamel ix-xhur jieħu l-paga mingħajr ma jersaq lejn il-post tax-xogħol, job li lanqas huwa ma applika għalih jew ried, iżda li ħa xorta waħda.
L-akkużi huma relatati ma’ xogħol mogħti lil Theuma minn Keith Schembri mal-Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd. li hija kumpanija tal-Istat f’Mejju tal-2017. Theuma qal nhar il-Ġimgħa, li kemm il-darba kien tħallas għax-xogħol minkejja li qatt ma attenda.
L-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, Yorgen Fenech li jinsab mixli bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kważi ħames snin ilu u tliet eks uffiċjali tal-gvern, Sandro Craus l-Kap tal-Customer Care f’Kastilja u Anthony Muscat li kien imexxi l-kumpanija Housing Maintenance and Embellishment Co jinsabu akkużati wkoll bħal Schembri b’serq u misapproprjazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.
Fil-bidu tas-seduta l-Qorti ma laqgħetx talba biex titneħħa mill-proċess ix-xhieda ta’ Melvin Theuma fil-konfront tal-akkużati, liema xhieda kienet waħda limitata għaliex huwa ma riedx iwieġeb għad-domandi tad-difiża minħabba li beża’ li jinkrimina ruħu.
Fid-digriet li tagħat il-Maġistrat Monica Vella qalet li x-xhieda ta’ Melvin Theuma ma tistax tiġi sfilzata, għaliex dan l-istadju huwa biss ġbir tal-provi, u li xogħolha huwa li tiġbor il-provi u tara jekk hemm raġunijiet biżżejjed biex l-akkużat jew akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.
L-Avukati difensuri qalu li jekk Melvin Theuma huwa ko-akkużat fil-każ allura is-sitwazzjoni tkun waħda differenti. L-Avukat Edward Gatt għamel talba għal referenza kostituzzjonali fuq dan il-każ biex hu fi żmien jumejn ikun jista’ jagħti bidu għall-proċeduri kostituzzjonali fuq il-każ.
Qal li l-klijent tiegħu sofra leżjoni tad-drittijiet fundamentali u dan peress li Melvin Theuma ma riedx jixhed waqt il-kontro-eżami. Il-prosekuzzjoni qalet li hi qatt ma riedet tfixkel biex isir il-kontro eżami, bl-Avukat Gatt jgħid li hu ma jista’ jagħmel xejn u m’għandu l-ebda kontroll għax Theuma iddeċieda li ma jixhidx fil-każ.
L-Avukat Stefano Filletti li qed jidher għal Anthony Muscat qal li l-Prosekuszzjoni suppost skont il-liġi hija l-akbar ħabib tal-akkużat, għax dejjem jingħad anke fil-kors tal-liġi li l-prosekutur għandu joħroġ il-verità kollha. L-avukat Michael Scirha li qed jidher għal Craus qal li se jikkontesta l-prima facie.
Melvin Theuma, il-middleman li ammetta l-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Nhar il-Ġimgħa d-difiża staqsiet jekk il-maħfra presidenzjali Theuma ngħatatx b’rabta mal-qtil tkoprix ukoll il-każ tal-job fantażma, ħareġ li dan mhux il-każ.
Għal Keith Schembri deheru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, L-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran deheru għal Yorgen Fenech. L-Avukat Michael Sciriha deher għal Sandro Craus, għal Muscat deher l-Avukat Stefano Filletti u għal Ellul deher l-Avukat Vincent Micallef.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nicholas Vella. Il-każ ikompli fit 18 ta’ Ottubru, fis-1.00pm. fejn iż-żewġ partijiet iddikjaraw li mgħandhomx aktar provi xi jressqu u għalhekk se jsiru s-sottomissjonijiet fuq jekk jeżistux provi biżżejjed biex l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.
//= $special ?>