Futbol Sport

Serie A: Lazio jitilgħu fit-tielet post daqs Udinese u Milan

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Artemio Franchi Lazio għelbu lil Fiorentina 4-0.

B’żewġ gowls f’kull taqsima, Lazio kisbu tlett punti importanti li huma biżżejjed biex b’20 punt minn disa’ partiti telgħu jaqsmu t-tielet post flimkien ma’ Udinese u Milan. Għal kuntrarju telfa oħra għal Fiorentina li baqgħu fit-tlettax-il post b’disa’ punti.

Wara biss 11-il minuta, Lazio fetħu l-iskor. Minn azzjoni ta’ Mattia Zaccagni kien Mathias Vecino li għeleb lil Pietro Terracciano. Ebda reazzjoni denja minn Fiorentina. Lazio approfittaw tant li fil-25 minuta irduppjaw permezz ta’ Mattia Zaccagni li minn azzjoni ta’ Sergej Milinkovic Savic għeleb mill-ġdid lil Terracciano. 2-0 sa tmiem l-ewwel taqsima. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess tant li fil-85 minuta minn azzjoni ta’ Immobile kien Luis Alberto li għamel l-iskor 3-0 . Fl-ewwel minuta ta’ ħin miżjud kien imiss lil CIRO IMMOBILE li minn pass ta’ Milinkovic Savic għeleb lil Terracciano għal 4-0 .