Rapport ta’ Colin Schembri
Il-ftuħ tat-tieni kompetizzjoni tal-istaġun ra’ l-introduzzjoni ta’ regola ġdida fejn għal dan l-istaġun il-logħob tal-MBA shield jintlagħab fuq il-bażi li l-partita tintemm hekk kif wieħed mit-teamijiet jilħaq il-75 punt. Dan jista’ jwassal biex il-partiti ma jwasslux sal-40 minuta u t-team tellief ma jkollux ċans li jirkupra anke jekk ikun viċin ferm tal-avversarju.
Mellieħa Libertas…..76
Depiro……………………66
(27-28)(29-25)(20-13)(0-0)
Fl-ewwel partita mill-MBA shield rajna d-debutt ta’ Depiro għal dan l-istaġun wara li l-Mellieħa konnha diġa rajnijhom fil-finali tas-Super Cup. Depiro kellhom bidla fil-coach fejn issa se jkunu mmexxija mill-Amerikan Brian Semonian u għandhom ukoll żewġ Amerikani ġodda, Kameron Rooks u Cameron Cornelius fil-waqt li l-player Andrew Aquilina rritorna għal-logħob. Mellieħa kienu bl-istess formazzjoni ta’ gimgħa ilhu u kienu huma li għamlu l-ewwel 4 punti tal-partita minn Vukassin Jandric u l-Amerikan Connor Zinnaich li din id-darba kellhu sehem kbir fir-rebħa tagħhom. L-ewwel risposta ta’ Depiro ġiet minn trippla ta’ Miguel Brincat u ż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin qabel ma ħames punti minn Cornelius inkluż trippla, għamlu l-iskor indaqs 17-17. Depiro komplew jagħfsu u marru fuq quddiem 22-19. Għal darb’oħra kien hemm punti fuq kull naħa fosthom trippli minn Nikola Jovanovic għal Mellieħa u Andy Attard għal Depiro li temmew l-ewwel taqsima 28-27 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-vantaġġ ta’ Depiro kiber għal 4 punti, 36-32 wara t-tieni trippla ta’ Cornelius. Għal Mellieħa kien hemm risposta mmedjata bit-tlett three pointers wara xulxin minn Isaac Bonett, Nenad Bukva u Jovanovic biex reġgħu marru fuq quddiem. Il-partita kompliet tkun kumbattuta hekk kif wara li Mellieħa fetħu vantaġġ ieħor ta’ sitt punti, 54-48, Depiro rkupraw bi trippla oħra minn Attard biex fl-intervall id-distakk kien ta’ 3 punti bil- Mellieħa fuq quddiem 56-53. It-tielet sessjoni fetħet bl-ewwel punti ta’ Depiro li ħadu l-vantaġġ qabel ma Mellieħa għamlu run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Zinniach, David Bugeja u trippla ta’ Jandric. Hekk kif Depiro kellhom trippla oħra minn Cornelius, Mellieħa bdew javviċinaw lejn it-tragward bil-punti konsekuttivi ta’ Bugeja u kien Jandric li għamel il-basket tar-rebħa li rahom jaqbżu l-75 punt u jerbħu l-partita 76-66.
Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon, D. Bugeja 14, R. Bonnici, V. Jandric 11, I. Bonett 11, N. Bukva 7, N. Jovanovic 5, C. Ziniach 28, M. Formosa
Depiro: B. Nel 6, A. Aquilina 2, N. Grech 1, A. Attard 6, S. Kenely, K. Rooks 19, M. Brincat 9, M. Mallia, C. Camilleri 23, M. Debattista
Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi
Starlites FIJO……….76
Bupa Luxol………….67
(19-14)(21-19)(22-20)(14-14)
Ġimgħa wara r-rebħ tas-Super Cup, Starlites FIJO bdew l-impenji tagħhom fil-logħob tas-Shield b’rebħa fuq Bupa Luxol 76-67. Luxol mill-ġdid taħt it-tmexxija tal-coach Duncan Fenech kellhom lura lil Nikola Vasovic flimkien ma’ żewġ Amerikani ġodda, Trevian Bell u Tayler Mattos. Il-partita ħadet żvolta fit-tielet taqsima fejn Jean Paul Schembri ikkometta t-tieni foul anti-sportiv tiegħhu u kellhu jħalli l-court u hawn Starlites fetħu vantaġġ ta’ 11 -il punt. Il-partita fetħet b’ħames punti fuq kull naħa bi trippli minn Matthew Attard għal Starlites u Schembri għal Luxol. Hawn Starlites għamlu run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Alec Felice Pace u feħtu vantaġġ doppju 14-7. Luxol kellhom risposta minn Bell u Mattos u resqu viċin però kienu Starlites li temmew l-ewwel sessjoni fuq quddiem 19-14. Fil-bidu tat-tieni taqsima, d-distakk baqa’ ta’ 5 punti fl-ewwel minuti hekk kif iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin. Starlites kellhom run ta’ 8-0 minn Attard, Felice Pace u Melvin Newbern biex fetħu vantaġġ ta’ 13 -il punt 32-19. Luxol irkupraw u kienu huma li għamlu run ta’ 10-2 bil-punti kollha jaslu miż-żewġ Amerikani però Starlites kienu għadhom fuq quddiem sal-intervall 40-33. Fit-tielet taqsima, bidu tajjeb minn Luxol rahom jaslu sa’ punt ‘l bogħod mill-avversarji fosthom bi trippla minn Vasovic. Il-punti komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat però Starlites dejjem baqgħu fuq quddiem minkejja distakk minimu ta’ punt jew tnejn. Hawn wasal it-tieni foul anti sportiv ta’ Schembri flimkien ma’ foul tekniku għal xi rimarki u Starlites approfittaw bi break ta’ 9-0 kważi kollhu minn Felice Pace biex huma temmew is-sessjoni 62-53 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Luxol tħabtu biex jerġgħu jirkupraw u fil-fatt trippla oħra minn Vasovic wasslithom sa’ 4 punti ‘l bogħod 62-66. Starlites għamlu 5 punti oħra mingħajr risposta u trippla minn Ian Felice Pace rahom jagħqqdu is-76 punt biex l-partita ntemmet hemm fuq skor finali ta’ 76-67.
Starlites FIJO: A. Felice Pace 24, M. Attard 9, M. Newbern 14, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 2, R. Carabott 2, L. Farrugia, K. Xuereb 1, N. Sultana, D. George 20.
Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 13, M. Sciberras, T. Bell 17, JP Schembri 4, A. Trapani, L. Trapani, J. Pace Debono, T. Mattos 27, M. Matijevic 2, S. Cappello 4.
Referees: Daniella Torok, Ivica Simic, Vladimir Nikolic
MBA Shield Nisa: Caffè Moak Luxol fil-finali
Hibernians 49
Caffè Moak Luxol 56
(21-13)(13-21)(12-13)(3-10)
Ġimgħa wara li ltaqgħu fis-Super Cup, Caffè Moak Luxol u Hibernians iltaqgħu fis-semi-finali tal-MBA Shield u għal darb’oħra kienu Luxol li ħarġu rebbieħa għalkemm ir-rebħa kienet ferm aktar diffiċli minn ta’ ġimgħa qabel. Hawn ukoll tidħol ir-regola tal-waqfien tal-partita skond il-punti u l-partita tieqaf meta team jilħaq il-55 punt. Il-bidu tal-partita kien kollhu f’idejn il-Pawlisti li bdew b’run ta’ 9-0 b’difiża ferm aktar stretta fuq il-Messikana tal-Luxol Gladiana Avila u l-punti ta’ Kirsty Caruana u Ashleigh Van Vliet. Wara l-ewwel punti ta’ Luxol minn free-throws ta’ Avila, Caruana għamlet żewġ trippli oħra, l-istess kif għamlet Van Vliet biex Hibs marru 21-7 minn fuq. Luxol irkupraw xi ftit lejn tmiem it-taqsima bi trippla ta’ Cristina Sollami u azzjoni ta’ tlett punti minn Avila għal skor ta’ 21-13. Fit-tieni taqsima, ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Hibs baqgħu disgħa minn fuq 28-19. Lisa Fenech Pace kellha trippla għal Luxol, però Kelly Conti wkoll għamlet 3 pointer għal Hibs biex ħalliethom seba’ minn fuq 33-26. Punti minn Avila, Fenech Pace, Sollami u Josephine Diaby raw lil Luxol jippareġjaw il-partita sal-intervall 34-34. It-tielet sessjoni kienet missielta ferm bl-ebda team ma jirnexxielhu jieħu xi vantaġġ sostanzjali. Luxol marru għall-ewwel darba minn fuq wara basket minn Avila però basket ta’ Van Vliet u trippla ta’ Jasmine Abela taw il-vantaġġ lil Hibernians. Il-punti komplew ġejjin fuq kull naħa, b’Van Vliet u Fenech Pace ikollhom trippa kull wieħed għal skor ta’ 47-46. Fl-aħħar taqsima, Hibs fetħu bi trippla minn Abela però ma rnexxielhomx jagħmlu aktar punti. Luxol minn naħa tagħhom kellhom 10 bi trippli minn Sollami u oħra ta’ Lisa Fenech Pace li għaqqditilhom is-57 punt u b’hekk ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 57-49.
Hibernians: E. Farrugia, I. Agius 9, A. Legarra, A. Van Vliet 17, J. Abela 6, C. Camilleri, K. Caruana 13, K. Conti 3, K. Calleja, J. Gauchi, J. Dabic 1, M. Mendez.
Caffè Moak Luxol: C. Sollami 13, V. Selvaggi, M. Mercieca 2, L. Fenech Pace 14, F. Camilleri, H. Galea, G. Avila 19, K. Portelli, P. Ellul 2, M. Camilleri, J. Diaby 7, A. Fenech Pace 6.
Referees: Ivica Simic, Ionut Ciurariu, Zvezdan Dobrosaviljevic
.
//= $special ?>