Knisja Lokali

Relikwi Sagri tal-Papa Piju V fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

Il-Vestwarji pontifiċji tal-Papa Piju V ġew miġjuba f’Malta biex ifakkru l-450 sena anniversarju minn mewtu. Dawn ir-relikwi prestiġjużi se jkunu għall-wiri u qima tal- pubbliku fil-Konkatidral ta’ San Ġwann sal-10 ta’ Novembru.

Il-Papa Piju V kien patri Dumnikan li kien elett għall-papat fl-1566 sal-mewt tiegħu fl-1572. Huwa mfakkar bħala benefattur kbir tal-kapitali Maltija, il-Belt Valletta, u promotur kbir tad-devozzjoni lejn Sidtna Marija tar-Rużarju Mqaddes.

Il-venerazzjoni tal-pubbliku ta’ dawn ir-relikwi sagri se ssir kuljum, qabel u wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

Il-pontifikat kbir tiegħu se jkun iċċelebrat f’żewġ okkażjonijiet: f’avveniment kommemorattiv b’interludji mużikali u riflessjonijiet nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ottubru fis-7.30 pm, u Quddiesa Pontifikali solenni ppreseduta mill- Arċisqof Mons. Charles Scicluna nhar il-Ħadd 30 ta’ Ottubru fid-9.30 am fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann qed tikkordina l-miġja ta’ dawn ir-relikwi prestiġjużi bl-għajnuna tal-Uffiċċju għaċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Papa Suprem, il- Malta Tourism Authority, in-National Development and Social Fund, il-Malta Development Bank, Air Malta plc, Palazzo Ignazio, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Korp tal-
Pulizija u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.