Lokali Qorti

Rumen imwissi mill-Maġistrat biex joqgħod bil-għaqal u jirregolariżża ruħu

Stefan Solomon Niculescu, Rumen ta’ 25 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettiex reat ieħor fi żmien sena wara li ammetta li nhar it-Tnejn seraq xi ħwejjeġ minn stabbiliment f’Birkirkara. Fil-Qorti r-Rumen spjega li ilu Malta għal diversi snin u li jaħdem fil-kostruzzjoni.

Fil-fatt quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, irriżulta li Niculescu ilu ħames snin jaħdem f’Malta, fejn ammetta wara li tressaq mill-Ispettur Andrew Agius li seraq ħwejjeġ mill-istabbiliment Eurosport, li jinsab fi Triq Salvu Psaila.

Fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti sabet liż-żagħżugħ ħati. Il-Maġistrat illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena, iżda wissietu biex ma jerġax jikser dufrejh mal-ġustizzja u qaltlu biex jirregola ruħu mill-aktar fis, biex ma jħallix lil min jisfruttah u joqgħod bil-għaqal.

Dan b’rabta mal-fatt li xogħol fil-kostruzzjoni huwa wkoll perikoluż fejn bħalissa qed isiru ħafna nċidenti f’dan is-settur li qed iwasslu f’telfien tal-ħajja. “Jekk tkun regolat is-saħħa tiegħek tista’ tkun aktar sikura, tkun tista’ tieħu l-leave u jekk ma tiflaħx is-sick leave. Jekk ma tkunx regolariżżat ma tgawdix minn dawn il-benefiċċji. Tista; tispiċċa wkoll tiġi deportat minn Malta jekk ma jkollokx il-meżżi.