Edukazzjoni Lokali

“Aktar problemi għal uliedna li jattendu fil-Kulleġġ San Albert”

Ittra li f’dawn l-aħħar sigħat daret fuq il-mezzi tal-media niżżlet is-sitwazzjoni f’San Albert f’livell ferm aktar inkwetanti milli kienet. Dan għaliex issa għandna sitwazzjoni fejn jidher li parti mill-istaff ħadet pożizzjoni fil-pubbliku kontra parti oħra tal-istaff. B’hekk il-qasma bejn l-istaff kibret u uliedna qed ibgħatu l-konsegwenzi.

Dan intqal f’ittra ippublikata minn grupp ta’ ġenituri li uliedhom jattendu l-Kulleġġ St Albert.

L-ittra mibgħuta mill-ġenituri

Bħala ġenituri irridu nagħmluha ċara li aħna nibqgħu nagħtu sapport lill-istaff kollu. Dan qed nagħmluh fl-ogħla interess tat-tfal tagħna. Aħna dejjem ammirajna u apprezzajna l-professjonalità u l-imħabba tal-istaff kollu lejn uliedna, mingħajr ebda distinzjoni. Fl-istess ħin, illum, ninsabu ixxukjati ferm aktar kif kommunità li sa ftit xhur ilu kienet waħda ferm aktar serena u magħquda, issa spiċċat f’din is-sitwazzjoni.

Irridu wkoll nagħmluha ċara illi bħala ġenituri nappoġġaw ukoll lis-surmast il-ġdid tas-sekondarja. Dan għaliex aħna konvinti, li minkejja li din hi l-ewwel esperjenza tiegħu fit-tmexxija, hu għandu l-kwalifiki meħtieġa biex jaqdi dan l-irwol. Nafu li huwa qed jagħmel mill-aħjar li jista’ biex itejjeb is-sitwazzjoni imwegħra li sab ruħu fiha u li nħolqot mid-direzzjoni tal-Kulleġġ.

Ninnutaw ukoll illi fl-ittra tal-bieraħ, sar kumment fuq dawk l-istudenti li qed juru sinjali ta’ protesta. L-ittra tgħid li hemm xi edukaturi li qed jinstigaw lit-tfal. Dan hu insult kbir lejn l-intelliġenza ta’ uliedna, tal-kapaċità tagħhom li jagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin, u tad-dritt tagħhom li jesprimu d-dwejjaq u l-uġiegħ tagħhom. Uliedna m’għandhomx bżonn lil xi ħadd jgħidilhom x’għandhom jagħmlu biex juru li mhumiex jaqblu. X’irridu jkollna, ġenerazzjoni oħra ta’ nies indifferenti u qaddejja tal-poter? 

F’pajjiż li jdawwar wiċċu ‘l hinn minn kull inġustizzja dawn it-tfal, jgħallmuna illi hemm modi ċivilizzati li bihom tista’ turi li ma taqbilx. Huma qed iħossuhom li qed jiġu mċaħħda minn dritt fundamentali- dak tal-edukazzjoni f’ambjent seren, minn professjonisti li jafdaw, minn lezzjonijiet f’suġġetti varji u minn attivitajiet edukattivi.

L-ittra miktuba l-bieraħ tkompli tikkonferma illi l-kawza ewlenija tal-firda kbira fil-kommunità ta’ San Albert hija l-filosofija li jħaddan ir-Rettur. Ebda mexxej li jrid il-ġid tal-kommunità, speċjalment tat-tfal, ma kien jippermetti li tinqala’ sitwazzjoni bħal din. 

Ragħaj awtentiku kien iġib l-għaqda fost l-istaff u mhux joħloq madwaru fazzjoni privileġġjata u jipprova joskura persuni oħra. Aħna l-ġenituri din il-problema ħassejniha sa mill-ewwel laqgħat li hu għamel magħna fis-Sajf, u li fihom ipprova jpoġġi lill-membri tas-Senior Management Team u xi għalliema f’dawl ikrah. Aħna mill-ewwel ġbidnilu l-attenzjoni dwar il-periklu ta’ din l-istrateġija. Apparti għall-fatt illi kien qed jonqos mir-rispett lejn persuni li mingħandhom uliedna raw biss ġid kbir, kien ovvju li din l-istrateġija kienet se tifred aktar, kif filfatt ġara.

Quddiem l-aħħar żviluppi intennu l-pożizzjoni tagħna illi r-Rettur attwali mhuwiex il-persuna adattata biex toħroġ lil din il-kommunità mill-abbiss li daħħalha fih. Nafu illi l-Patri Provinċjal tal-Ordni tal-Predikaturi ma jridx ibiddel lir-Rettur attawli ma’ membru ieħor tal-Ordni li jista’ jiggarantixxi proċess ta’ paċi. 

Għalhekk qed intennu l-appell tagħna lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Awtoritajiet kollha li għandhom il-fakulta’ u l-kompetenza fil-qasam tal-edukazzjoni tat-tfal, biex jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex jassigura li jitwettaq il-pjan li ħabbar l-Arċisqof ta’ Malta u jibda proċess ta’ fejqan f’din il-komunità edukattiva.