Dak li ma jridx jagħmel il-Gvern qed jagħmlu l-Partit Nazzjonalista u għalhekk, illum beda proċess ta’ konsultazzjoni mill-Partit Nazzjonalista dwar il-protezzjoni tal-media u tal-ġurnalisti, kif ukoll id-dritt għall-informazzjoni f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fejn saħaq li l-konsultazzjoni hi importanti u mhux aċċettabbli li jitressqu Liġijiet mingħajr ma jsir dan il-proċess. Hu semma’ li s-settur tal-ġurnaliżmu hu wieħed importanti li għandu jkun protett bl-aħjar mod.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-IĠM Matthew Xuereb qal li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għandu riżervi dwar l-Abbozzi li ressaq il-Gvern, tant li kitbu lill-Prim Ministru biex jesprimu d-dispjaċir tagħhom li ħafna mill-proposti mressqa tħallew barra mill-Abbozzi tal-Gvern.
Din il-laqgħa kienet parti minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li għandha twassal biex fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-emendi kollha meħtieġa biex il-Liġijiet ta’ pajjiżna jibdew joffru protezzjoni akbar lill-media u lill-ġurnalisti, filwaqt li jissaħħaħ id-dritt għall-informazzjoni f’pajjiżna.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lil kull min hu interessat biex jipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika billi jibgħat il-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu b’email lil konsultazzjoni@pn.org.mt jew bil-posta fl-indirizz: Konsultazzjoni dwar il-Media – Dar Ċentrali PN, Triq Herbert Ganado, Tal-Pietà PTA 1450.
Mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm preżenti għal-laqgħa wkoll il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina, il-Kelliem għal-Libertajiet Ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg u l-Avukat Francis Zammit Dimech.
//= $special ?>