Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Arresti konnessi mal-attakk fuq il-pont tal-Krimea……Terrur f’suq ta’ Donetsk

A satellite image provided by Maxar Technologies shows the aftermath of a large explosion that heavily damaged the strategic Crimea Bridge, also known as the Kerch Strait Bridge, which connects the Crimean peninsula with the Russian mainland, on Oct. 8, 2022. The bridge is the most important supply line for Russian troops fighting in southern Ukraine, and its destruction deals an embarrassing blow to the Kremlin, which is facing continued losses on the battlefield and mounting criticism at home. (Satellite image ©2022 Maxar Technologies via The New York Times) - NO SALES, EDITORIAL USE ONLY, MAXAR WATERMARK MUST NOT BE CROPPED OUT -

L-awtoritajiet fir-Russja qalu li arrestaw tmien persuni b’konnessjoni mal-isplużjoni tas-Sibt li qerdet parti mill-pont li qed jgħaqqad lir-Russja mal-penisola tal-Krimea u li kien inbena bħala proġett għal qalb il-President Russu Vladimir Putin.

Is-servizzi tas-sigurtà tal-FSB qalu li ħamsa mill-arrestati huma Russi, u li l-oħrajn ġejjin mill-Ukrajna u l-Armenja.

Iżda waqt li r-Russja mill-ġdid qed takkuża lill-Ukrajna għall-attakk fuq il-pont, il-kelliema fi Kiev irredikolaw l-akkuża bħala ‘ħaġa li ma tagħmilx sens’.

L-isplużjoni fuq il-pont qed titqies bħala disfatta simbolika għal Putin li kien inawgurah fl-2018 – bl-istess President Russu jesprimi rabja għal ‘azzjoni intiża biex teqred parti importanti tal-infrastruttura ċivili ta’ pajjiżu’.

Uffiċjali tal-FSB, intant, qalu li l-isplużjoni ‘kienet organizzata mid-Direttorat Ewlieni għas-Servizzi Sigrieti mal-Ministeru Ukren għall-Affarijiet Barranin – kif ukoll mill-Kap tad-Direttorat Kyrylo Budanov,  bl-għajnuna tal-istaff u l-aġenti tal-entità’.

Ir-Russi qed jallegaw li l-isplussivi twasslu bil-baħar mill-port Ukren ta’ Odessa lejn il-Bulgarija u l-Ġorġja u  li mbagħad ittieħdu bi trakk lejn ir-Russja min-naħa tal-Armenja.

L-Ukrajna, iżda, fissret il-pont bħala struttura falza oħra li qed isservi lir-reġim ta’ Putin u li l-Gvern fi Kiev mgħġandux jikkummenta dwar dawn l-akkużi.

Fi żviluppi oħra, iċ-ċivili fl-Ukrajna mill-ġdid spiċċaw mira ta’ vjolenza – b’talanqas għaxra jinqatlu waqt attakk fuq suq fil-belt ta’ Avdiivka.

Il-kap militari għar-reġjun ta’ Doneetsk, Pavlo Kyrylenko, qal li l-attakk seħħ f’ħin meta s-suq kien ippakkjat bin-nies u fejn anki rriżultaw diversi midruba. Parti mir-reġjun hu okkupat mir-Russi u Kyrylenko ħareġ direttiva għall-evakwazzjoni tar-residenti kollha mill-inħawi.

Sadanittant, numru ta’ nies, inkluża tifla ta’ sitt snin, indarbu serjament waqt bumbardamenti tar-Russi fuq Nikopol, fir-reġjun ta’ Dnipro. Dan waqt li diversi missili tat-tip S-300 niżlu fuq Zaporizhzhia, — b’missila minnhom teqred bini residenzjali f’sobborg  ta’ din il-belt.

Instemgħu anki l-isplużjonijiet f’Kherson, li hi fost l-akbar bliet Ukreni li għadha taħt l-okkupazzjoni tar-Russi. Intant ma kienx ċar x’wassal għall-isplużjonijiet u meta l-militar Ukren kompla javvanza mir-reġjun, fejn, fl-aħħar sigħat, ħataf lura l-kontroll f’ħames zoni oħra ta’ pajjiżu.