Futbol

Il-kowċ ta’ Famalicao sospiż fl-istess ġimgħa li fiha ħarġu l-allegazzjonijiet dwar Mangia

Fl-istess ġimgħa li fiha feġġew l-allegazzjonijiet dwar il-kowċ Taljan Devis Mangia, il-futbol fil-Portugall inħasad b’aħbar oħra dwar kowċ li ġie akkużat illi iffsatidja lill-plejers tiegħu – f’dan il-każ, plejers nisa.

Il-każ seħħ żewġ staġuni ilu meta l-kowċ Miguel Alfonso kien qed imexxi lit-tim tan-nisa ta’ Rio Ave, li kien għadu kif ġie iffurmat. Bl-allegazzjonijiet jindikaw li waqt il-pre-season hu kien qed jibgħat messaġġi lill-plejers tfajliet, jistaqsihom jekk iħobbux in-nisa jew l-irġiel.

Il-messaġġi allegatament bdew ma’ plejer ta’ 19-il sena, iżda ftit wara din irrealizzat li kien qed jagħmel l-istess avvanzi ma’ plejers oħrajn.

Ftit wara, Alfonso ħalla l-club u ingħaqad ma’ Famalicao.

Il-kowċ spiċċa taħt investigazzjoni lejn l-aħħar ta’ Settembru li għadda – inċidentalment, fl-istess perijodu li fih ħarġu l-allegazzjonijiet f’Malta dwar Devis Mangia.

Famalicao issospendew mal-ewwel lil Alfonso, u immedjatament bdiet investigazzjoni mill-FA Portugiża.

L-istess assoċjazzjoni qed tinvestiga wkoll lil Samuel Costa, Direttur Sportiv tal-istess club.

Costa u Alfonso qed jiċħdu l-akkużi, għalkemm jidher li l-Pulizija Portugiża għandha serje twila ta’ messaġġi kif ukoll recordings li jikkonfermaw l-avvanzi li provaw iwettqu fuq it-tfajliet.

L-FA Portugiża qed toffri għajnuna legali lill-allegati vittmi, kif ukoll għajnuna psikoloġika.

Bħalma għamlet l-assoċjazzjoni Portugiża, ankè f’Malta Devis Mangia ġie sospiż mal-ewwel malli feġġew l-akkużi kontrih. Dan filwaqt li l-Pulizija qed tinvestiga.