Lokali

Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni bdiet l-investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-flyovers tal-Marsa

Ippreżentata email bejn Yorgen Fenech u Robert Yildirim li fiha jissemma t-tixħim

Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha dwar l-iskandlu tal-flyovers tal-Marsa wara li nhar il-Ġimgħa li għaddiet irċeviet l-ittra dwar dan il-każ. Dan ħareġ fi stqarrija tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina.

Dalgħodu jiena tajt ix-xhieda tiegħi quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Fix-xhieda tiegħi jiena spjegajt fid-dettall il-fatti marbuta ma’ dan il-każ.

Fost oħrajn lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni jiena ppreżentajtilha kopja ta’ email li ntbagħtet minn Robert Yildirim lil Yorgen Fenech nhar it-22 ta’ Jannar 2019. Din l-email saret referenza għaliha mill-ġurnal The Sunday Times of Malta u ġiet ippubblikata wkoll fuq is-sit soċjali Twitter ftit tal-jiem ilu.

F’din l-email Robert Yildirim staqsa lil Yorgen Fenech x’kien ser jgħid lill-Qorti u jkompli billi jsemmi tixħim ta’ xi ħadd (“What will you tell the court? Bribing someone but no payment”). Din il-komunikazzjoni seħħet b’rabta u sussegwentement għall-assenjazzjoni tat-tender li oriġinarjament kien intrebaħ mill-kumpanija Torka li jisimha Ayhanlar Yol Asfaltlama u li mbagħad ġie assenjat lill-kumpanija Shining Star Infrastructure & Construction Co. Limited (C 89655) li fiha hemm involut Robert Yildirim.

Is-suġġett ta’ din l-email jirreferi għal kuntratt li jinvolvi lill-kumpaniji New Energy Supply Limited u l-kumpanija Wings Investments u li hija rreġistrata fl-Emirati Għarab Magħquda (“signed&sealed contract of nes&wings”). Dawn iż-żewġ kumpaniji huma ta’ Yorgen Fenech.

Bis-saħħa ta’ din il-kuntratt Yorgen Fenech kien ser jaqla’ maż-żewġ miljun Ewro (€2,000,000) milll-kumpanija li rebħet it-tender għall-bini tal-proġett tal-flyovers tal-Marsa. Nofs dan l-ammont kellu jmur fil-kumpanija New Energy Supply Limited (C 64971) u n-nofs l-ieħor kellu jmur f’kumpanija li jisimha Wings Investments u li hija rreġistrata fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-kumpanija Wings Investments hija marbuta mal-kumpanija 17 Black li hija wkoll rreġistrata fl-Emirati Għarab Magħquda.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lil kull min għandu aktar informazzjoni biex jersaq ‘il quddiem u jgħaddiha lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni biex jinkixfu l-atti ta’ korruzzjoni li twettqu fil-proġett tal-flyovers tal-Marsa.