Lokali

Il-PN se jressaq dokument bi proposti ċari għall-Budget

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-politika ma ssirx mill-uffiċċini iżda hemm bżonn diskussjoni u konsultazzjoni ma’ kull entità u individwu.

B’hekk fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi pre-budget document bi proposti ċari sabiex jiġu implimentati fil-Budget 2023 – proposti li permezz tagħhom, il-familji u n-negozji ikunu jistgħu jirnexxu lkoll flimkien u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja li verament tixraqilhom.

Dan intqal waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni illi saret l-Erbgħa filgħodu bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Kamra tal-Kummerċ, li matulha ġie diskuss id-dokument imħejji mill-Kamra tal-Kummerċ b’numru ta’ rakomdazzjonijiet għall-budget.

Fid-dawl tal-problemi finanzjarji li qed jaffaċċja pajjiżna .. il-Kamra tal-Kummerċ enfasizzat l-importanza ta’ ħames punti prinċipali li jeħtieġ li jiġu indirizzati fosthom l-inflazzjoni, l-isfidi li qed jaffaċja s-settur tal-enerġija, u l-problemi li jeżistu fis-suq tax-xogħol.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jagħti widen għar-rakomdazzjonijiet li pproponiet il-Kamra tal-Kummerċ għax, mingħajr l-ebda dubju, għandhom idejhom fuq il-polz tas-settur.

Bernard Grech qal li l-kamra tal-kummerċ, proponiet diversi rakomandazzjonijiet li kienu konverġenti ma’ dawk li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta fil-programm elettorali tiegħu f’Marzu li għadda, u bħala Partit se jibqà jaħdem sabiex jiġu indirizzati diversi problemi li qegħdin jaffetwaw lis-soċjetà tagħna.

Waqt din il-laqgħa, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb tenniet li fil-ġimgħat li ġejjin se jitniedu tliet dokumenti oħra li se jitrattaw il-qies tal-Parlament Malti, in-numru ta’ distretti li għandna f’pajjiiżna kif ukoll il-finanżjament tal-partiti.

Preżenti għall-din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, flimkien ma’ diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista fosthom Claudette Buttigieg, Bernice Bonello, Ivan Castillo, Darren Carabott, Rebekah Borg Cilia u Ivan Bartolo.