Melvin Debono ta’ 31 sena magħruf bħala “Il-Quws” residenti Raħal Ġdid ma nstabx ħati li f’Novembru tal-2017 poġġa l-ħajja ta’ ħaddieħor taħt periklu meta spara fuq bieb ta’ anzjana li toqgħod fl-istess lokalità, u dan meta kien għaddej mill-inħawi b’karozza Mercedes. Huwa kien mixli bi 11-il akkuża li jinkludu li spara arma f’post abitat, sewqan traskurat, perikoluż, bla kont u bla ħila, u li uża arma tan-nar f’post residenzjali li ma kinitx irreġistrata.
L-inċident ġara fid-19 ta’ Novembru tal-2017 għall-ħabta tal-4.45 pm. meta xi ħadd spara tir fuq il-bieb ta’ dar tal-anzjana li toqgħod fi Triq Ħal Luqa. L-isparatura saret mill-karozza u mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li l-karozza kienet irreġistrata fuq missier Debono, iżda proprjetà ta’ ibnu Melvin.
L-anzjana Giovanna Zahra qalet lill-pulizija li meta niżlet isfel tara x’ġara sabet toqba mal-bieb. Meta l-Pulizija tkellmu magħha qaltilhom li semgħet ħoss qawwi u meta niżlet isfel u rat it-toqba ħasbet li kienet għaddiet li kienet għaddiet xi karozza u tajjret xi ħaġa mal-bieb. Qaltilhom li kien l-għada, meta ġiet l-infermiera biex tagħtiha l-insulina li ndunat bit-toqba fil-bieb ta’ barra u fuq parir tal-istess infermiera, għamlet rapport lill-pulizija.
Meta mar is-Surġent tal-forensika sabiex jannaliżża dak li ġara sab li kienet sparatura u fil-fatt kien anke sab cartridge ta’ arma tan-nar. L-Ispettur Chantelle Casha qalet li meta marru fuq il-post, il-pulizija ikkonfermaw li t-toqba kienet kompatibbli ma’ sparatura. Minn stħarriġ li għamlet il-pulizija permezz ta’ filmati tal-cameras tas-sigurta’, dehret Mercedes bajda u id b’arma tan-nar tidher toħroġ minn tieqa min-naħa tax-xufier u tispara tir.
Fil-qorti, il-pulizija qalu l-Mercedes dehret fil-filmati li ġabru minn cameras tas-sigurtà fil-madwar. Qalu li meta arrestawh, Debono rrifjuta li jeħdilhom il-karozza u ma wieġeb xejn għall-mistoqsijiet li sarulu. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, illiberat lil Debono mill-akkużi kollha għax qalet li ħadd mix-xhieda ma qal li kien Debono li kien spara fuq il-bieb tad-dar tal-anzjana.
Qalet li ma nġiebet ebda prova li l-akkużat kien fuq ix-xena tar-reat, anke għall-fatt li l-Pulizija naqsu milli jagħmlulu testijiet biex jaraw jekk kellux fuqu traċċi tal-isparatura u lanqas m’għamlu talba biex jaraw fejn kien il-mobile phone tiegħu fil-ħin tal-isparatura.
Il-Qorti qalet li b’dawn in-nuqqas ta’ provi u ta’ fatti oħrajn, mhix moralment konvinta li mingħajr dubju raġonevoli li kien Debono li spara fuq il-bieb. Apparti wkoll li ma nstabet ebda arma tan-nar u għalhekk jagħmilha aktar diffiċli għaliha li ssibu ħati.
Qalet li ladarba ma setgħetx tikkonkludi li kien hu li qed isuq il-karozza, ma setgħetx issibu ħati ta’ akkużi dwar sewqan perikoluż, traskurat u bla kont. Qalet ukoll li ma saret ebda tfittxija fid-dar tiegħu li setgħet twassal għal xi konklużjoni li kellu xi arma jew munizzjon u għalhekk ma sabitux ħati wkoll li kellu arma tan-nar mhux reġistrata. Għal Debono, dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Chantelle Casha.
//= $special ?>