Lokali

Ma jridux jgħidu għalfejn iddeċidew li jagħlqu ċ-Childcare Centre ta’ Mater Dei

Ftit tal-jiem wara, fortunatament, reġa’ darilhom.

Ebda spjega għalfejn il-Gvern għalaq iċ-Childcare Centre tal-Isptar Mater Dei.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem kien sar magħruf li ċ-Childcare centre fejn għal dawn l-aħħar snin l-impjegati tal-Isptar Mater Dei kienu jieħdu lil uliedhom sakemm huma jkunu x-xogħol ingħalaq ħabta u sabta mingħajr ebda preavviż mal-ġenituri u wisq inqas il-ħaddiema tal-istess ċentru.

Net News kien tkellem mal-President tal-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel Paul Pace fejn saħaq li tali deċiżjoni kienet ittieħdet mingħajr ma ngħatat spjega u wriet kif il-ħaddiema tas-saħħa jiġu trattati.

Wara dan kollu, matul il-jum tat-Tnejn, il-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar fil-parlament li l-Gvern għamel u-turn oħra u fortunatament daħal il-buonsens u se jerġa jiftaħ iċ-Childcare fil-jiem li ġejjin.

Huwa saħaq li tkellem mal-Ministru Clifton Grima u li s-servizz se jerġa’ jingħata lill-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei…kif kellu jibqa’ jsir mill-bidu.

It-Tlieta waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru Fearne sabiex jispjegalna għal-liema raġuni kien ġie deċiż li dan iċ-Childcare jingħalaq….bil-Ministru jagħżel li għal darb’oħra ma jispjegax.

Sussegwentament Net News staqsa lill-Ministru Clifton Grima biex jispjegalna x’ġara…iżda anke hu ma riedx jispjega x’ġara….tant li farfarha għal kollox

Lill-Ministru Clifton Grima staqsejnih ukoll x’inhu jagħmel u x’se jkun qiegħed jagħmel b’rabta ma’ dak li għaddejj fil-Kulleġġ San Albert wara li l-ġenituri ta’ uħud mill-istudenti li jattendu f’din l-iskola appellaw għall-intervent tal-Awtoritajiet…bil-Ministru jisħaq li qed isegwu dak li qed jiġri.

Intant, wara li fil-bidu ta din is-sena akkademika l-Ministru Clifton Grima rrifjuta stedina li saritlu mill-programm Net Live, aħna staqsejnih għal liema raġuni ma riedx jiġi…bil-Ministru jgħid li kellu impenji.

Għaldaqstant wieħed għandu jittama li l-Ministru jżomm ma’ kelmtu sabiex verament, bl-azzjonijiet u mhux bil-kliem, naraw li l-ewwel u qabel kollox jiġu l-interessi tal-istudenti Maltin u Għawdxin.