Lokali Qorti

Mara li tisraq l-anzjani ordnata tagħti lura €14,200 lil koppja li serqithom waqt it-tindif

Mara ta’ 45 sena minn Raħal Ġdid li hija magħrufa sew mal-Pulizija u għandha l-vizzju tad-droga u li kienet instabet ħatja li 10 snin ilu serqet deheb u flus minn dar ta’ koppja f’Ħ’Attard waqt li kienet qed tnaddfilhom ġiet ordnata mill-Qorti tagħtihom is-somma ta’ €14,200.

Ftit aktar minn sena ilu Azzopardi kienet ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li ammettiet li serqet ġojjelli minn ħames residenzi ta’ anzjani f’reati ta’ serq aktar riċenti. Fuq is-serqa li seħħet lejn l-aħħar tal-2012, Azzopardi qalet li l-valur misruq ma jaqbiżx il-€15,000 u insistiet li hija kienet ammettiet biss li serqet bi €800 f’muniti u mhux bi €18,500 kif qed tallega l-koppja.

Il-koppja qabbdet lill-mara biex tnaddfilhom id-dar u wara tiet xhur ir-raġel mar biex jilbes arloġġ tad-ditta Chopard iżda ma sabux. L-arloġġ kien ta’ ħabib tiegħu u r-raġel kien qed iżommu għandu bħala rahan fuq €10,000 li kien silfu. Il-koppja kienet segwit il-filmati fuq il-cameras tas-sigurtà u ratha tisraq deheb u flus minn vażett li fiha kienu jżommu l-muniti.

Il-vittma talbitha trodd il-flus u ma tispiċċax il-Qorti, imma Azzopardi ċaħdet li serqet u kien għalhekk li l-koppja għamlet rapport lill-Pulizija. Wara li ġiet interrogata Azzopardi tressqet il-Qorti u nstabet ħatja u ġiet ikkundananta sentejn ħabs sospiżi għal erba snin, dawn kienu konvertiti f’ħabs wara li hija kompliet għaddejja b’sensiela ta’ serqiet.

L-Imħallef Christian Falzon Scerri qal li mill-filmati, Azzopardi tidher b’daharha lejn il-kameras u għalhekk ma tidhirx tisraq anke jekk l-aġir tagħha jqanqal suspett. Huwa qal li mill-provi li tressqu quddiemu jirriżultalu li hija verament serqet mid-dar madankollu ddikjara li l-koppja ma rnexxielhomx jippruvaw li serqithom aktar minn €800 fi flus kontanti.

L-Imħallef Falzon Scerri qal li huma lanqas ma ppruvaw li hija serqitilhom katina, imsielet taċ-ċrieki tad-deheb, prodotti tax-xahar u qmis. Madankollu żamm lil Azzopardi responsabbli li serqet €800 fi flus kontanti, l-arloġġ tal-polz tad-ditta Chopard u biċċiet tad-deheb.

Waqt li rrimarka li huma għandhom dritt ifittxuha għad-danni li ġarrbu bis-serq tal-arloġġ, l-Imħallef Falzon Scerri ordna lil Azzopardi tħallas lill-koppja €14,200 b’imgħax ta’ 8% sakemm tħallashom. L-aħħar serqiet li seħħew minn Azzopardi saru fi żmien kiefer ta’ pandemija fejn l-anzjani. Il-Qorti dwar dan kienet qalet li l-anzjani minflok l-id ta’ għajnuna sabu id li barmietilhom in-naqra li kellhom, li ħadmu għalih u li kienu jipposjedu b’tant għożża!