Lokali

Minkejja l-appelli, il-Gvern se jibqa’ jagħmel fattih

Kollox jindika li l-Gvern se jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn b’rabta mal-liġijiet relatati mal-midja u l-ġurnaliżmu, bil-Prim Ministru Robert Abela jidher li jinsab deċiż li jkompli bit-tieni qari fil-Parlament u jħalli l-abbozzi tal-liġi kif inhuma – għajr għal xi emendi fi stadju ta’ Kumitat.

Matul il-jum tat-Tnejn l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella lil Robert Abela sabiex jirtira l-abbozzi ta’ liġi, joħroġ White Paper u jikkonsulta b’serjetà – għaliex saħqu li l-aktar rakkomandazzjonijiet importanti li għamel il-Kumitat ta’ Esperti kienu injorati, jew imdgħajfin b’mod qawwi fl-abbozzi li proprju ressaq il-Gvern.

L-IĠM saħaq li l-istqarrijiet li għamel il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fejn insista li saret konsultazzjoni wiesa’, ma jirriflettux dak li verament seħħ.

It-Tlieta waranofsinhar Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela jekk hux se jkun qiegħed ikompli bit-tieni qari fil-Parlament, minkejja l-appelli tal-ġurnalisti b’Abela prattikament jattakka lill-IĠM u jalludi li l-istitut biddel fehmtu fl-aħħar jiem.

Staqsejna wkoll lill-Ministru Jonathan Attard jekk il-Gvern hux se jkompli jwebbes rasu u jagħmel fattih, minkejja li l-esperti fil-qasam u l-aktar nies affettwati b’tali liġijiet qed jgħidulu biex jikkonsulta bis-serjetà.

L-IĠM qed jibqa jinsista li jekk il-Gvern jonqos milli jniedi konsultazzjoni serja ma jkunx hemm triq oħra ħlief li jirtiraw il-parteċipazzjoni tagħhom mill-Kumitat tal-Esperti għaliex saħqu li ma jistgħux ikomplu jagħtu appoġġ għal leġiżlazzjoni deskritta minnhom bħala dgħajfa u li ma tilħaqx l-aħjar riżultati.