Mara ta’ 51 sena residenti l-Ħamrun ġie mixlija quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li wara argument li seħħ fuq ‘pets’ hija aggrediet b’sikkina koppja ġirien tagħha, bir-raġel jispiċċa ferut gravament u l-mara tispiċċa b’feriti ħfief. L-argument seħħ fuq bejt li jintuża mill-akkużata u l-ġirien tagħha.
Sylvana Zammit wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrih li jinkludu wkoll li ġarret arma mingħajr permess mingħajr liċenzja tal-Pulizija. L-Avukat tagħha Roberto Spiteri u Franco Galea għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest tagħha li sabet oġġezzjoni mill-Ispetturi Ian Azzopardi u Ian Vella minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u l-fatt li huma ġirien jista’ jinqala’ xi nċident ieħor.
Id-difiża qalet li Zammit għandha post alternattiv fejn toqgħod u dan ma’ ħuha li jgħix Raħal Ġdid. Hawn il-prosekuzzjoni qalet li jekk hija tmur tgħix f’din ir-residenza mhijiet se tkompli topponi ċ-ċaħda għall-pleġġ. Il-Qorti hawn wissiet lill-akkużata biex bl-ebda mod ma tkellem jew tikkomunika b’xi meżż mal-allegati vittmi, nkella kienet se terġa’ tiġi arrestata.
Għaldaqstant it-talba għall-pleġġ kienet milqugħa fuq garanzija personali ta’ 10,000 ewro li tiffirma kull nhar ta’ Erbgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-koppja li allegatament ġiet aggredita minn Zammit.
//= $special ?>