Ewropa Lokali

“Nibqgħu niġġieldu sakemm issir ġustizzja sħiħa ma’ Daphne” – David Casa

L-MEP David Casa organizza attività fil-Parlament Ewropew, biex ifakkar il-ħames anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, tat bidu għal din l-attività b’diskors indirizzat lil Membri Parlamentari Ewropej, ġurnalisti, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ewropea, li kienu preżenti. Roberta Metsola tenniet l-impenn tal-Parlament Ewropew favur is-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Hija sostniet li t-telfa ta’ din il-ġurnalista dejjem se tibqa waħda traġika, iżda dan in-niket għandu jiġi trasformat f’determinazzjoni li nagħmlu aktar u li nkunu aktar impenjati.

Min-naħa tiegħu, David Casa afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jaħdem għal ġustizzja sħiħa għal Daphne Caruana Galizia. Huwa saħaq li ġustizzja sħiħa tfisser ġustizzja għall-istejjer tagħha kif ukoll t-tmiem tal-impunità, li dawk li hi kixfet għadhom igawdu minnha sal-ġurnata tal-lum.

L-MEP Ramona Strugariu li, flimkien ma’ David Casa, hija Co-President tal-Media Working Group talbet biex id-Direttiva proposta mill-Kummissjoni kontra s-SLAPP, tissejjaħ “Liġi ta’ Daphne” b’unur lil Daphne Caruana Galizia, kif fil-fatt kienet ukoll talbet il-Viċi President tal-Kummissjoni Vera Jourova.

Fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Parlament Ewropew se jħares lejn is-sitwazzjoni f’Malta, b’dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Ottubru u se jorganizza wkoll it-tieni edizzjoni tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu.