Lokali Parlament

Nuqqas ta’ ippjanar fl-infrastruttura tat-toroq qed joħloq problemi fil-kwalità tal-ħajja

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-parlament li n-nuqqas ta’ ippjanar fl-infrastruttura tat-toroq qed toħloq problemi fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu.

Ryan Callus qal li l-kwalità tal-ħajja tinkludi wkoll l-ambjent u sostna li t-traffiku sar problemi kbira fil-ħinijiet kollha. Il-kwalita tal-ħajja qed tmur lura minħabba d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu.

Ryan Callus qal li l-Ministru tal-Finanzi issa ammetta li l-mudell ekonomiku li jimporta l-ħaddiema barranin irid jinbidel u sostna li issa l-effetti qed iħosshom kulħadd; kulħadd jinsab fil-kju issa mwaħħal fit-traffiku. Il-pajjiż qed ibati għall-politika ħażina li kellu dan il-gvern; iżda wara kollox kien il-poplu għażel din il-politika.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-impatti ta’ dak il-mudell ekonomiku se jibqgħu mal-poplu u għalhekk l-poplu mhux jieħu l-frott tal-miljuni li ntefqu fl-infrastruttura fosthom fit-toroq li saru. Hemm ukoll toroq li qed jerġgħu jinqalgħu fosthom quddiem il-Palazz tal-President f’Ħ’Attard u toroq fin-Naxxar.

Is-servizzi għandhom jingħaddu mill-ġenb tat-triq, iżda l-gvern ma jridx jisma’. Hu kkritika l-junction li saret f’Ħaż-Żebbuġ li issa ġabet riżultati agħar. Is-soluzzjonijiet huma sistema ta’ trasport tal-massa; dwar dan għandu jkun hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Il-pumping station f’Għawdex se ssir kafetterija u l-apparat li hemm se jitpoġġa f’mużew; il-wirt industrijali jkun apprezzat f’postu u għalhekk dan il-wirt kellu jibqa’ hemm anki jekk issir kafetterija.