Lokali

Skont il-Ministru Miriam Dalli, il-massimu ta’ €8 refund hu “ġust”

Ir-refund li se jingħata l-poplu Malti u Għawdxi wara li nsteraq mill-kontijiet tad-dawl huwa bejn xejn u €8.

Dan huwa fatt, mingħajr logħob bil-kliem. Fatt irrapportat mill-midja lokali, u ammissjoni li waslet ukoll mill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli.

Għal dawn l-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista insista li l-Gvern kien qiegħed jisraq lill-familji Maltin u Għawdxin mill-kontijiet tad-dawl minħabba anomalija fis-sistema; sistema li fi kliem sempliċi ma kienx qiegħed iħaddem sew l-istess Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista kien appella lill-Gvern Laburista sabiex jieqaf jisraq minn but il-poplu bl-ewwel reazzjoni tal-Labour tkun issoltu żufjettar, sabiex eventwalment wara xhur sħaħ spiċċa kellu jammetti li ċ-ċittadin kien qiegħed iħallas iżżejjed – u f’xi waqtiet il-valur mħallas żejjed ilaħħaq il-mijiet tal-ewro.

Intant, skont il-Ministru Dalli, il-fatt li 80% tal-poplu jaf jitħallas sa massimu ta’ €8 lura jew saħansitra xejn hija xi ħaġa ġusta. Dan mingħajr ma spjegat kemm se jitħallsu lura l-20% l-oħra jiġifieri 2 minn kull 10.

Kull min insteraq mill-kontijiet tad-dawl qabel Jannar 2022 mhux se jkun qiegħed jieħu ebda ċenteżmu lura kif ikkonfermat il-Ministru Dalli, u kif kien qalilna l-Ministru tal-Finanzi fi Frar ta’ din is-sena.

Intant dawk kollha li jridu jissieħbu fil-kawża l-Qorti mal-Partit Nazzjonalista sabiex jieħdu lura dak li ħaqqhom għandu jissottomettu l-interess tagħhom fuq is-sit onlajn kontijiet dot com jew iżuru d-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà.