Patri Donat Spiteri twieled il-Marsa fit-13 ta’ Ottubru 1922. Ingħaqad mal-Ordni Franġiskana u laħaq Saċerdot Kapuċċin nhar it-13 ta’ Marzu 1948.
Patri Donat intbagħat jistudja t-teoloġija fl-Università Pontifiċja Gregorjuna f’Ruma, l-Italja, fejn kiseb il-Liċenzjat u dottorat fit-teoloġija. Studja l-Iskrittura Mqaddsa fil-Pontificio Istituto Bibblico u l-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa. Irritorna Malta fl-1954 u beda jgħallem lill-istudenti Kapuċċini.
Patri Donat kien Kappillan tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa, il-Marsa, bejn l-1958 u l-1967, fejn ħa ħsieb ukoll li jinbena ċ-Ċentru Parrokkjali San Piju X tal-Marsa.
Kien Kappillan ukoll tal-Parroċċa ta’ Lourdes, San Ġwann, bejn l-1983 u l-1991. F’San Gwann ukoll, ra li jħalli ċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp fejn ikunu jistgħu jiltaqghu l- għaqdiet.
Kien jgħallem u professur tal-Istudji Biblici fil-Fakulta tat-Teologija fl-Università ta’ Malta, fejn mal-Prof. Rev. Karm Sant u oħrajn waqqfu l-Għaqda Biblika Maltija.
L-aqwa opra ta’ din l-Għaqda kienet il-pubblikazzjoni tal-Bibbja bil-Malti, li x-xogħol fuq din it-traduzzjoni beda fl- 1966 u baqa’ għaddej sal-ewwel pubblikazzjoni, fl-1984.
Peress li t-tagħlim u l-ispjegazzjoni tal-Bibbja kienu u baqgħu u l-qofol tal-ħidma tiegħu huwa kellu sehem kbir ukoll fit-twaqqif ta’ Dar il-Bibbja fil-Floriana.
Huwa wkoll kien awtur ta’ għadd ta’ kotba oħra b’rabta mal-Bibbja.
Apparti misraħ f’San Ġwann fl-2021 il-Kunsill tal-Marsa b’turija ta’ rikonoxximent, semma wkoll triq għal Patri Donat Spiteri bħala apprezzament tal-ħidma tiegħu bħala iben il-Marsa u kappillan tal-Paroċċa tat-Trinità Qaddisa.
//= $special ?>