Fi Grupp A, Arsenal żammew ir-rekord perfett tagħhom f’dan il-grupp meta fin-Norveġja għelbu lil Bodo/Glimt. L-uniku gowl tal-partita wasal fl-24 minuta permezz ta’ Bukayo Saka.
Fi Grupp C, Roma għal darb’oħra ddiżappuntaw meta temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Real Betis. Betis fil-vantaġġ fl-34 minuta permezz ta’ Sergio Canales. Roma wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs kmieni fit-tieni taqsima permezz ta’ Andrea Belotti.
Minn Grupp E, f’Old Trafford, Manchester United skorjaw gowl fl-aħħar minuti tal-partita biex għelbu lil Omonia Nicosia 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-konfront wara 33 xutt wasal fit-92 minuta permezz tas-sostitut Scott McTominay.
Minn Grupp D, it-tim li jilgħab miegħu l-plejer Malti Teddy Teuma Union St. Gilliose temmew fi draw mill-isbaħ ta’ 3-3 kontra SC Braga. Vitor Oliveira kien l-eroj għal Braga hekk kif skorja hat-trick bil-gowl tiegħu jaslu fil-15, fis-36 u fil-41 minuta. Għal Union St. Gilliose skorjaw Victor Boniface darbtejn fl-20 u fit-62 minuta u Dante Vanzeir li kkonkluda fuq pass ta’ Teddy Teuma.
Minn Grupp F, fi Stadio Olimpico, Lazio u Strum Graz temmew fi draw ta’ 2-2. Ciro Immobile poġġa lil Lazio fil-vantaġġ ma tmiem l-ewwel taqsima biex ftit minuti wara tkeċċa Manuel Lazzari għat-tieni karta safra. Strum Graz ġabu l-iskor indaqs fis-56 minuta permezz ta’ Boving Vick, biex fil-71 minuta kien Pedro li reġa poġġa lil Lazio fil-vantaġġ. Strum Graz reġaw ġabu l-iskor indaqs fit-83 minuta meta reġa kien Boving Vick li għamilhom 2-2.
Mill-UEFA Conference League, fi Grupp A, Fiorentina kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Hearts. Il-Viola daħlu jistrieħu 4-0 fil-vantaġġ b’gowls ta’ Luka Jovic, Cristiano Biraghi, Nicholas Gonazlez u Antonin Barak. Hearts naqsu d-distakk kmieni fit-tieni taqsima permezz ta’ Stephn Humphrys iżda penalty ta’ Gonzalez fid-79 minuta għamel l-iskor 5-1.
Minn Grupp B, West Ham għelbu lil Anderlecht 2-1. Said Benrahma poġġa lil West Ham fil-vantaġġ fl-14-il minuta, biex Jarrod Bowen għamilhom 2-0 fit-30 minuta. Anderlecht daħlu fil-partita fit-88 minuta permezz ta’ penalty ta’ Sebastiano Esposito.
//= $special ?>