Wieħed mis-servizzi li toffri Caritas Malta, li ilu ’l fuq minn 38 sena, hija l-ħidma ta’ prevenzjoni fl-iskejjel ma’ diversi studenti f’livelli varji.
Dan il-programm FOCUS jiġbor fih temi li jolqtu lill-istudenti ta’ etajiet bejn 10 snin u 16-il sena.
L-għan ta’ dan il-programm FOCUS hu li jingħaddu ħiliet varji u għarfien dwar aspetti psiko-soċjali biex l-istudenti jaslu biex jagħmlu deċizjonijiet għaqlin fil-ħajja tagħhom.
Biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma preventiva fost l-istudenti, għall-ewwel darba Caritas Malta ħadet l-inizjattiva li tagħti bidu għal din is-sena skolastika b’avveniment li qed jissejjaħ CaritasFest.
Għaldaqstant Caritas Malta stiednet lill-iskejjel kollha Primarji u Sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u dawk Independenti, kif ukoll, Junior College, Sixth Forms u MCAST biex fil-ġimgħa bejn is-17 u l-21 ta’ Ottubru 2022, kull skola torganizza attivitajiet marbuta mat-tema ‘Live Life Naturally High’. Għal din l-okkażjoni nħadem filmat pożittiv li jattira lill-adolexxenti f’attivitajiet fiżiċi li jwassalhom għal high naturali.
Matul il-ġimgħa ta’ CaritasFest, uħud mill-istaff ta’ Caritas Malta se jkunu qed iżuru diversi skejjel waqt l-attivitajiet imtella’ mill-istudenti.
Nhar it-Tnejn 17 ta’ Ottubru, 2022 tiftaħ il-ġimgħa ta’ attivitajiet ta’ CaritasFest b’attività fl-iskola ta’ St Michael, St Venera.
It-tim tat-Tnabbar ta’ Caritas Malta se jiggwidaw lill-istudenti ta’ din l-iskola biex ilkoll flimkien idoqqu b’instrumenti magħmulin b’materjal riċiklat mill-istess studenti. Din hi waħda mill-inizjattivi li qed tiġi mtella’ fl-iskejjel.
Caritas Malta għandha ħafna għal qalbha l-iżvilupp ħolistiku ta’ wliedna u għalhekk tibqa’ timpenja u taġġorna ruħha skont il-ħtiġijiet kurrenti.
//= $special ?>