Aktar minn elf membru tal-parlamenti nazzjonali minn madwar id-dinja qed jattendu l-Assemblea bianwali tal-Unjoni Inter-Parlamentari, li bħalissa qed issir f’Kigali. Id-deputati Maltin Randolph De Battista u Robert Cutajar qed jipparteċipaw f’isem il-Parlament Malti.
Filwaqt li t-tema ewlenija tal-assemblea hija l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parlamenti sensittivi għall-ġeneru bħala mutur ta’ bidla għal dinja aktar reżiljenti u paċifika, l-assemblea għażlet ukoll li tiddibatti punt ta’ emerġenza, li jista’ jkun relatat ma’ sitwazzjoni ewlenija reċenti ta’ tħassib internazzjonali dwar liema azzjoni urġenti mill-komunità internazzjonali hija meħtieġa u li dwarha huwa xieraq li l-Unjoni Interparlamentari tesprimi l-opinjoni tagħha u timmobilizza rispons parlamentari.
Id-delegazzjoni Maltija appoġġat il-punt ta’ emerġenza propost mid-delegazzjoni parlamentari taċ-Ċilì, li kkundannat l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-annessjoni sussegwenti ta’ territorji fid-difiża tal-integrità territorjali tal-istati kollha. Ġie maqbul ukoll li jinħatar kumitat ta’ abbozzar biex jabbozza riżoluzzjoni li aktar tard tiġi adottata waqt l-assemblea.
Id-delegazzjoni Maltija qed tipparteċipa wkoll f’diversi laqgħat tal-kumitati u tiddiskuti temi importanti bħall-imigrazzjoni u t-tibdil fil-klima.
//= $special ?>