Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs fuq ‘hold up’ minn ħanut f’Raħal Ġdid

Żagħżugħ ta’ 25 sena, residenti Bormla ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Joe Mifsud li sabu ħati li f’April tal-2019 daħal jisraq armat b’mus minn ħanut f’Raħal Ġdid. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li s-serqa seħħet għall-ħabta tat-8.30pm. mill-katina ta’ ħwienet Convenience fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid.  

Hu nstab ħati wkoll li żamm lill-kaxxiera tal-ħanut kontra l-volontà tagħha, li fera ħafif b’mus mara li nzertat kienet qed tixtri fil-ħin tas-serqa, li ġarr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija u li sar riċediv.

Huwa ma nstabx ħati li bir-reati li wettaq dak fis-16 ta’ April meta daħal fil-ħanut huwa kiser il-provvedimenti ta’ sentenza sospiża li kienet ingħatatlu fis-7 ta’ Marzu tal-2018. Fil-kumpilazzjoini kienu xehedu 27 persuna. Wieħed minnhom is-Supretendent Fabian Fleri li qal li mill-investigazzjonijiet ħareġ li iż-żagħżugħ daħal jisraq ma’ persuna oħra. 

Xehed li l-ħallelin kienu libsin ‘hoodie’ u li hu mar fuq il-kaxxiera, ħareġ mus u talabha l-flus. Il-kaxxiera rnexxielha tiġbidlu l-hoodie, kixfitlu ftit wiċċu u ratlu xi tattoos ma’ għonqu. Meta raha hekk il-ħalliel l-ieħor waddab xkaffa lejn il-kaxxiera, u ż-żagħżugħ seraq €330 fi flus kontanti u ż-żewġ ħallelin telqu jiġru ‘l barra lejn il-mina t’Għajn Dwieli.

Is-Supretendent qal li l-akkużat inqabad minn kampjuni tad-DNA li saru fuq il-hoodie li kien liebes u li neħħa hekk kif ħareġ mill-ħanut, qabel ma daħal fi trejqa li tagħti għall-għelieqi. Duncan Veneziani, ħaddiem tal-Aġenzija Sedqa qal fil-kumpilazzjoni li kien ilu jsegwi lill-imputat minn Jannar tal-2018 minħabba l-vizzju tad-droga.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, tat lill-imputat piena ta’ ħabs effettiva għax qalet li għalkemm l-imputat ingħata bosta opportunitajiet biex jibdel ħajtu huwa m’għamilx l-almu tiegħu kollu biex jibdel triqtu.

Veru li fil-każ l-ammont misruq ma kienx ammont kbir. Dan, però, ma jagħmilx il-każ anqas serju. L-imputat daħal f’ħanut armat, werwer lill-ħaddiema li kien hemm u anki weġġa’ klijenta li nzertat qed tixtri mill-ħanut dak il-ħin għall-affari tagħha.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti ħasbet fit-tul dwar il-piena li għandha tiġi nflitta lill-akkużat. Mhux kontestat li huwa għandu problema ta’ droga u għadda minn ħafna f’ħajtu. Din mhux l-ewwel darba li xilef idejh mal-ġustizzja u għalhekk ma jistax jitqies li huwa ‘a first time offender’. Il-kondotta esebita hija konferma ta’ dan qalet il-Qorti.

L-imputat ingħara diversi opporunitajiet biex jibdel ħajtu, nkluż ukoll opportunita waqt li tressaq il-Qorti fuq dan il-każ u anke tul l-istess każ sabiex jibdel ħajtu u jingħata l-għajnuna li kien hemm bżonn. Madankollu m’għamilx l-almu tiegħu kollu biex huwa jiffaċċa l-problemi tiegħu bis-serjetà u jibdel triqtu.

Biss jingħad li waqt dawn il-proċeduri hu tilef ukoll il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest propju għaliex ma segwix l-ordnijiet tal-Qorti. Il-Maġistrat Mifsud kompla jgħid li wieħed jifhem li mhux faċli biex wieħed jitlaq miċ-ċirku tad-droga. Fortunatament f’pajjiżna hawn entitajiet bħas-Sedqa, il-Carita u l-OASI li jiddedikaw l-enerġija kollha tagħhom biex jgħinu lill-persuni biex joħorġu minn tali ċirku.

Pero huwa l-indiwidu li jrid jagħmel sforz u jgħin lilu nniffdu biex joħroġ mill-problema. Il-Qorti qalet li mhux konvinta li l-imputat qed jieħu r-riforma tiegħu bis-serjeta fejn beda programm ta’ riabilitazzjoni u ma kompliehx kollu. Barra minn hekk għamel żmien ma jkellimx l-uffiċċjal tal-probation assenjat lilu.

Il-problema tad-droga ma tistax tintuża bħala xi forma ta’ skuża biex wieħed jeħles mill-ħabs effettiv għalk reati serji li jkun wettaq. Veru li f’dan il-każ l-ammont misruq ma kienx wieħed kbir, dan iżda ma jagħmilx il-każ anqas serju. L-imputat daħal f’ħanut armat, werwer lill-ħaddiema li kien hemm u li anke weġġa’ klijenta li nzertat qed tixtri mill-ħanut dak il-ħin għall-affari tagħha.

Il-Qorti qalet li temmen li kull persuna għandha dritt li tmur għax-xogħol u tmur tixtru minn ħanut b’serħan tal-moħħ u għalhekk din is-sentenza għandha obbligu li tipproteġi n-nies li jgħixu l-ħajja normali tagħhom. Għal dan il-għan l-piena se tkun waħda ta’ ħabs effettiv għax il-Qorti apparti li trid ukoll tara li ssir ġustizzja, għandha tara li tipproteġi s-soċjeta inġenerali.

Il-Qorti spjegat li mill-kundanna t’erba’ snin ħabs, minnhom għandu jitnaqqas kull żmien li l-akkużat għamel taħt arrest preventiv. Il-Qorti ordnat lill-imputat ukoll biex iħallas €776.39 fi spejjeż tal-Qorti kif ukoll biex irodd lura l-flus li seraq mill-ħanut lis-sid. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Oriana Spiteri, u mis-Supretendent Fabian Fleri.