Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-aħbar li l-Gvern ppubblikat abbozz ta’ liġi sabiex jipprovdi għas-sospensjoni tat-termini għall-għoti tal-ħelsien mill-arrest f’każ li l-akkużat jwaqqaf is-smigħ tal-kawża billi jikkaġuna ħsara lilu nnifsu. Dan l-abbozz ta’ liġi jindirizza nuqqas fil-liġijiet ta’ pajjiżna li jagħtu lok għal abbuż minn min qed jipprova jaħrab mill-ġustizzja. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista huwa favur dan l-abbozz ta’ liġi.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li ħadd m’għandu jitħalla jaħrab mill-ġustizzja minħabba nuqqasijiet fil-liġijiet ta’ pajjiżna f’ċirkostanzi li qatt ma seħħew qabel fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Parlament jitlaqqa’ b’mod urġenti, inkluż għada l-Ġimgħa wara nofsinhar jew fi tmien il-ġimgħa, u li l-abbozz ta’ liġi jiġi diskuss u mgħoddi mill-istadji kollha mill-Parlament f’seduta waħda straordinarja.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Parlament għandu jibgħat messaġġ b’saħħtu favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna u ta’ appoġġ sħiħ u inkondizzjonat lil dawk kollha li jwettqu dmirijiethom fis-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna
//= $special ?>