Internazzjonali

Iċ-Ċina: Rabja dwar ir-restrizzjonijiet f’Beijing

Fiċ-Ċina qed tikber ir-rabja u frustrazzjoni dwar is-sigurtà stretta u r-restrizzjonijiet riġidi li qed ikunu implimentati f’Beijing qabel il-kungress storiku tal-Partit komunista fil-Gvern.

Ħafna nies qed jesprimu r-rabja tagħhom fuq l-Internet wara li l-awtoritajiet komunisti llimitaw l-aċċessi għall-kapitali, bir-riżultat li ħafna nies, inklużi residenti, ma jistgħux jidħlu fl-inħawi. Dan meta lanqas ma jistgħu jsiru d-deliveries tal-oġġetti essenzjali lejn l-ibnadi ta’ Beijing.

Ċittadini oħra Ċiniżi qed ikollhom il-movimenti ristretti inkella qed ikunu sfurzati li jagħmlu żmien taħt kwarantina. Dan waqt li fl-aħħar sigħat bdew jiċċirkulaw ir-ritratti ta’ protesti rari f’xi distretti ta’ Beijing.

In-nies qed jinsistu biex l-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw id-dritt għall-ħelsien u d-dinjità  taċ-ċittadini u meta xi ħadd dendel banner minn fuq pont u li jsejjaħ biex ir-residenti f’Beijing joħorġu fuq strajk u jippruvaw iwarrbu lill-President taċ-Ċina Xi Jinping mill-poter.