Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Kundanna assoluta min-NU għall-ħtif tar-reġjuni Ureni minn Putin

L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti vvutat b’maġġoranza assoluta biex tikkundanna l-isforzi tar-Russja biex taħtaf erba’ reġjuni tal-Ukrajna u tgħaqqadhom ma’ artha. Ir-riżoluzzjoni kellha l-appoġġ ta’ 143 pajjiż waqt li 34 Stat, inklużi ċ-Ċina u l-Indja, astjenew.

Minbarra r-Russja kienu erba’ il-pajjiżi li ma aċċettawx il-vot u li huma l-Belarus, il-Korea ta’ Fuq, is-Sirja u n-Nikaragwa.Minkejja li l-vot hu wieħed simboliku dan kien l-akbar numru ta’ voti (fin-NU) kontra r-Russja mindu l-qawwiet tal-President Vladimir Putin invadew l-artiiet tal-Ukrajna.

Il-vot, fl-istess ħin, jagħti messaġġ qawwi lil Putin li jiem ilu kien iffirma dokumenti biex jikkonferma r-reġjuni Ukreni ta’ Luhansk, Donetsk, Zaporizhzhia u Kherson bħala parti mill-Federazzjoni Russa. Il-ftehim kienu ffirmati mal-Mexxejja tal-erba’ reġjuni li huma leali għal Moska u wara li l-Punent stqarr li ma kienx qed jirrikonoxxi r-referendums organizzati mir-Russja għar-residenti ta’ dawn ir-reġjuni u li għalih kienu ‘eżerċizzju qarrieqi’.

Ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU qed issejjaħ biex il-komunità internazzjonali bl-ebda mod ma tirrikonoxxi lir-reġjuni inkwistjoni bħala territorju sovran tar-Russja. Dan fost l-appelli biex Moska tirtira minn din il-pożizzjoni u biex il-konflitt ikun solvut bin-negozjati u djalogu.

Il-pajjiżi li vvutaw mar-Russja huma magħrufin bħala ostili għall-Punent – bil-Belarus ikkunsidrat bħala satellita ewlenija ta’ Moska.  Intant, iċ-Ċina u l-Indja – li qed jippruvaw jibqgħu newtrali fil-konflitt fl-Ukrajna – żammew lura milli jivvutaw, l-istess bħal 19-il pajjiż tal-Afrika.

Sadanittant, pajjiżi Afrikani bħall-Ghana, il-Kosta tal-Ivorju, il-Kenja u s-Senegal kollha vvutaw fin-NU biex jikkundannaw lir-Russja. Dan wara żjarat riċenti f’dawn il-pajjiżi li kien għamel il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, esprima gratitudni lill-pajjiżi li appoġġjaw ir-riżoluzzjoni ta’ kundanna għar-Russja u tenna li d-dinja qed tistqarr li l-isforzi ta’ Moska biex tgħaqqad ir-reġjuni Ukreni ma’ artha mhuma qatt se jkunu aċċettati mill-pajjiżi ħielsa. Hu wiegħed li l-Ukrajna, ‘il quddiem, għandha tieħu lura l-artijiet kollha li huma tagħha bi dritt.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li l-vot tal-Assemblea qed iwassal messaġġ ċar lil Moska li ‘ir-Russja ma tistax tipprova teqred pajjiż sovran minn fuq il-mappa’.

Fi żviluppi oħra, ir-Russja wettqet numru ta’ attakki ġodda fuq l-Ukrajna, fost rapporti li l-missili laqtu faċilità tal-infrastruttura imporanti viċin ta’ Kiev. Intlaqat anki blokk ta’ appartamenti f’Mykolaiv, belt fin-nofsinar tal-Ukrajna, li fl-aħħar sigħat sofriet bumbardament feroċi u fit-tul.

Madankollu, il-pajjiżi tan-NATO li huma alleati mal-Ukrajna ħabbru li qed iwasslu l-armamenti avvanzati għal kontra l-attakki mill-ajru lill-Gvern fi Kiev, b’Zelensky ifaħħar dan il-pass bħala ‘storiku’. Il-Ministru Britanniku għad-Difiża, Ben Wallace, qal li mhemm l-ebda sogru li l-Punent jispiċċawlu l-armi għall-appoġġ kontinwu tal-Ukrajna f’din is-sitwazzjoni.