Lokali

Il-Ministru ma jridx li ssir investigazzjoni interna dwar l-iskandlu tal-flyovers tal-Marsa

Korrispondenza li għaddiet bejn Yorgen Fenech u Robert Yildirim tikxef l-allegat tixħim fil-proġett tal-flyovers tal-Marsa – email li ġiet żvelata mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, u li issa jinsab f’idejn il-Kummissjoni għal Kontra l-Korruzzjoni.

Quddiem dawn il-provi ġodda, il-Ministru responsabbli mit-toroq – Aaron Farrugia – ikkonferma li mhu se jiftaħ ebda investigazzjoni interna.

Bil-Ministru jgħid illi hu tkellem ma’ Ian Borg – il-Ministru li meta seħħ dan il-każ kien responsabbli minn dan is-settur.

F’din l-email Yildirim jistaqsi lil Yorgen Fenech x’kien se jgħid lill-Qorti meta jistaqsuh għalfejn kien qed jiġri warajhom għall-flus. Bin-negozjant Tork isaqsi lil Fenech jekk kienx se jgħidilhom li ried jixxaħħam.

Is-suġġett ta’ din l-email jirreferi għall-kuntratt li jinvolvi lill-kumpaniji New Energy Supply Limited u l-kumpanija Wings Investment li hija rreġistrata fl-Emirati Għarab Magħquda – żewġ kumpaniji huma ta’ Yorgen Fenech.

Permezz ta’ dan il-kuntratt Yorgen Fenech kien se jdaħħal fil-but maż-żewġ miljun ewro mill-kumpanija li rebħet it-tender għall-bini tal-proġett tal-flyovers tal-Marsa. Nofs dan l-ammont kellu jmur fil-kumpanija New Energy Supply Limited  u n-nofs l-ieħor fil-kumpanija Wings Investments li hija marbuta mal-kumpanija 17 Black.

Il-każ issa qiegħed quddiem l-Awditur Ġenerali u quddiem il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni, wara azzjoni konkreta li ħa l-Partit Nazzjonalista.