Lokali

Il-PN iniedi proposti biex il-platform workers ikollhom il-kwalità tal-ħajja li tixirqilhom

Il-Partit Nazzjonalista llum nieda diversi proposti li huma l-bażi ta’ dak li jixtieq jara ladarba l-Gvern idaħħal fil-Leġislatura Maltija d-Direttiva Ewropea ta’ Xogħol Trasparenti u Prevedibbli, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo, il-Kelliem għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ u ċ-Chairperson tal-PAC u Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott spjegaw kif f’dawn il-proposti, il-Partit Nazzjonalista ra li jissaħħaħ ukoll l-aspett uman tal-ħaddiema f’pajjiżna.

Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li:– Il-platform workers jibdew jitqiesu bħala impjegati u ma jibqgħux self-employed falz. Dan hu essenzjali biex ikun assigurat li dawn il-ħaddiema jkunu konformi mal-Liġi, b’kuntratti tax-xogħol li jinkludu l-bonus u b’pagi li ma jkunux taħt il-paga minima, filwaqt li jkunu assigurati s-saħħa u s-sigurtà tagħhom;– Mil-lat legali, ikun hemm definizzjoni ċara ta’ xi tfisser platform worker, li llum qed tintuża’ b’mod vag ħafna u għalhekk, hu tajjeb li fil-Liġi jkun hemm spjegazzjoni ċara ta’ min huma dawk il-ħaddiema jew min hu eskluż minn din id-definizzjoni

Apparti dawn, iIkun implimentat il-portal tal-Kuntratti minn JobsPlus biex il-kuntratti ta’ dawn il-ħaddiema vulnerabbli jkunu jistgħu jiġu ssorveljati skont il-Liġi;– Li l-kuntratti li la jkollhom ammont minimu u lanqas massimu ta’ sigħat isiru illegali;– Li jkunu irregolarizzati l-Aġenti li jġibu lill-ħaddiema f’pajjiżna biex naraw li dawn ikunu konformi mal-Liġi. Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li dawn isiru b’liċenzja għax ma jistax ikun li kull min għandu laptop u internet jista’ jsir Aġent.– Li jiddaħħlu penali għal dawk l-aġenziji tar-reklutaġġ li ma jżommux mal-Liġi biex ikunu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiem u li dan ma jkunx abbużat minn min iħaddmu;– Li jkun hemm regolarizzazzjoni fl-algoriżmu tal-Management għax dan hu mezz ta’ kif il-Management jikkontrolla ix-xogħol tal-ħaddiema tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista jrid dan il-proċess isir b’tali mod li tassew jirrifletti l-ħin reali li x-xogħol jieħu, iżda fuq kollox li jkunu umani.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema spjegaw li l-Partit Nazzjonalista mhux biss qed jiżvela n-nuqqasijiet tal-Gvern, iżda anke qed juri kif il-Partit irnexxielu jqajjem realtajiet, filwaqt li jixgħel bozza li dan il-pajjiż għandu bżonn jindirizza diversi kundizzjonijiet u drittijiet fil-post tax-xogħol, kemm għal min iħaddem u anke għall-impjegati.