Jerome Caruana Cilia, PN
Filwaqt li hu kruċjali li nitkellmu dwar il-mekkaniżmu tal-COLA, biex il-ħaddiema u l-professjonisti jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar mil-lat finanzjarju, jeħtieġ illi jsir investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda. B’dan il-mod mhux biss noħolqu x-xogħol, imma noħolqu xogħol ta’ kwalità aħjar, value added u b’pagi li jrendu. B’hekk bosta ħaddiema jimxu ‘l quddiem u tiżdied il-mobbiltà soċjali f’pajjizna.
Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia meta kien qe djitkellem fil-parlament. Hu qal li dan rajnih fil-passat, deċiżjonijiet għaqlin, meta nħolqu setturi varji: is-settur tas-servizzi finanzjarji, il-gaming, il-marittimu, l-avjazzjoni u l-farmaċewtika fost oħrajn.
Dawn kollha jħaddmu magħhom eluf ta’ ħaddiema u professjonisti. Biex iddaħħal kull qasam kien hemm proċess. Proċess li ħa snin sħaħ. Kien hemm viżjoni ekonomika ċara. Dan wassal għall-ekonomija b’saħħitha, diversifikata u waħda reżiljenti.
Din il-viżjoni ekonomika flimkien mal-bżulija tal-ħaddiema u l-professjonisti, u l-kuraġġ u l-għaqal tal-imprendituri Maltin u Għawdxin, wasslet biex pajjiżna seta’ jikkumbatti kriżijiet varji. Il-Gvern ma jistax jaqta’ qalbu li joħloq setturi ekonomiċi ġodda fl-ekonomija tagħna.
Ta’ kull sena, kull meta jersaq il-budget, dejjem bl-istess mistoqsija. Kemm se tkun il-COLA?
Naturalment, kif mistenni, din is-sena id-diskussjoni ħadet iktar qilla. Fi żmien fejn għandna rata ta’ inflazzjoni rekord, l-għafsa qeda tinħass minn bosta. Skont iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), f’Awwissu ta’ din is-sena l-inflazzjoni f’Malta telgħet għal 7%.
L-iktar notevoli hu l-fatt li l-ikbar żidiet kienu fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali bħall-ikel. L-għoli tal-ħajja tolqot lil kulħadd, imma partikolarment lil dawk l-iktar vulnerabbli.
Il-Ministru tal-Finanzi, waqt it-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-budget tal-Gvern, ikkonferma li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja se jkun bejn €9 u €10. Dawn iċ-ċifri kienu diġà ssemmew sa minn numru ta’ ġimgħat ilu. Tisma’ min kollox.
Min jgħidlek li dan l-ammont mhux biżżejjed u min iħaddem jgħidlek li ma jaffordjawx jagħtu dawn iż-żidiet. Il-biża’ tibqa’, kif qed jindikaw l-affarijiet, li ċertu żidiet fl-operating cost jerġgħu jintefgħu fuq il-konsumatur u saħansitra terġa’ tkompli żżid l-inflazzjoni.
Stħarriġ riċenti tal-Malta Employers Association wera biċ-ċar li madwar 72% tan-negozji se jgħaddu parti jew iż-żidiet kollha tal-ispejjeż relatati mal-operat lill-konsumatur. Meta ġew mistoqsija: ‘kif se timmaniġġja iż-żidiet fl-operating costs?’ 50% tan-negozji wieġbu li se jgħaddu parti miż-żidiet tal-ispejjeż relatati mal-operat lill-klijenti tagħhom. Saħansitra 22% tal-kumpaniji wieġbu li se jgħaddu ż-żidiet fl-operating costs kollha lill-klijenti u l-konsumaturi. Kienu biss 28% tal-kumpaniji li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ li qalu li huma se jassorbu ż-żidiet kollha tal-ispejjeż relatati mal-operat.
Bosta iċ-ċirkostanti wasslu lil bosta jistaqsu jekk il-mekkaniżmu tal-COLA, kif maqbul madwar 32 sena ilu għadux wieħed validu u li jagħmel sens. F’dan iI-kuntest il-Forum Unions Maltin, il-General Workers Union, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin, u l-UĦM Voice of the Workers ħarġu stqarrija konġunta li fiha talbu lill-Gvern biex ikun diskuss mekkaniżmu ġdid taż-żieda tal-għoli tal-ħajja f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
Bħala front wieħed huma se jkunu qed jippreżentaw proposta li permezz tagħha l-mekkaniżmu tal-COLA jkun jista’ jirrispondi għal ċirkostanzi bħal dawn filwaqt li jkun assigurat li ssir ġustizzja fl-interess tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Dawn ir-rappreżentati ta’ eluf ta’ ħaddiema, saħqu li huma qed iressqu din il-proposta kemm b’responsabbiltà lejn il-membri iżda wkoll biex titħares is-sostenibbiltà tal-impjiegi.
Għall-budget 2023, għandu jintuża l-mekkaniżmu eżistenti tal-COLA u ma jkunx hemm tibdil ad hoc, mingħajr il-qbil tal-membri kollha tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Fost oħrajn bħala Oppozizzjoni nemmnu li fil-kuntest ta’ bħalissa, il-Gvern għandu jagħti l-għajnuna lil min iħaddem, fost oħrajn, permezz ta’ inċentivi fiskali, ħalli jassigura li s-settur privat jibqa’ wieħed kompetittiv u għaldaqstant ikompli jikkontribwixxi fil-ħolqien tal-ġid.
Il-Gvern jeħtieġ li bis-serjetà jidħol fi djalogu ġenwin mal-partijiet kollha, u mhux jaddotta a top-down approach, ħalli tassew ikollna relazzjonijiet industrijali stabbli u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Jiġu stabbiliti kriterji ġodda u iktar wiesa ta’ x’jiġi ikkunsidrat bħala perjodu ta’ ċirkostanzi straordinarji u li fih, bi ftehim mal-membri kollha tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, jibda jitħaddem mekkaniżmu ġdid f’ċirkostanzi straordinarji.
Wara li rċivejna feedback mill-imsieħba soċjali, nemmnu li l-Low Wage Commission, li mistennija tagħmel rakkommandazzjoni formali s-sena d-dieħla, tibda djalogu mingħajr dewmien żejjed u b’hekk tibda tiltaqa’ b’mod ferm iktar regolari ħalli bis-serjetà jkun hemm diskussjoni matura mal-partijiet kollha.
//= $special ?>