Il-President Russu, Vladimir Putin, issuġġerixxa li t-Turkija tintuża bħala hub bil-għan li l-gass prodott mir-Russja jitwassal lejn l-Ewropa. Putin qal dan meta kien qed jiltaqa’ mal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, wara l-kwinti ta’ summit li kien qed isur fil-Kazakhstan, Dan ukoll meta Putin qed jgħid li r-rotta mit-Turkija hi l-aktar waħda effettiva għat-trasport tal-gass lill-Istati tal-Unjoni Ewropea.
Il-provvista tal-gass min-Nord Stream pipeline — li jwassal mir-Russja għall-Ġermanja – kienet tħarbtet wara li r-Russi invadew lill-Ukrajna filwaqt li waqfet kompletament wara splużjoni fuq pipeline taħt il-Baħar Baltiku u li kien deher bħala att ta’ sabutaġġ.
It-Turkija – li għandha relazzjonijiet tajbin ma’ Moska u l-Ukrajna – qed tipprova sservi bħala medjatur f’din il-gwerra u fejn fost oħrajn għenet għall-iskambju ta’ priġunieri bejn l-Ukreni u r-Russi. Madankollu, hu diffiċli ħafna li l-Ukreni, fiċ-ċirkustanzi preżenti, jidħlu f’negozjati għall-paċi mar-Russi u meta t-Turkija qed issejjaħ għal waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, Erdogan irid li pajjiżu jaħdem flimkien mar-Russja biex jissaħħaħ il-ftehim ta’ Lulju li jippermetti għat-trasport tal-qmuħ mill-portijiet tal-Ukrajna lejn is-swieq internazzjonali, permezz ta’ rotta fil-Baħar l-Iswed. Il-ftehim se jibqa’ validu sax-xahar id-dieħel u kapaċi jkun estiż f’każ ta’ qbil bejn l-Ukrajna u r-Russja.
//= $special ?>