Lokali Qorti

L-aħwa Degiorgio jappellaw mid-deċiżjoni tal-Imħallef li ordnat il-bidu tal-ġuri tagħhom

L-aħwa Degiorgio li jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia appellaw mid-deċiżjoni tal-Imħallef kontra t-talba tagħhom biex jipposponu l-proċess quddiem ġurija li kellu jibdew fil-futur qarib. George Degiorgio u ħuh Alfred Degiorgio jridu li l-qorti kostituzzjonali tipposponi l-ġuri, u qed isostnu li l-avukati tal-għajnuna legali tagħhom ma kellhomx żmien biżżejjed biex jippreparaw id-difiża tagħhom.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Imħallef Audrey Demicoli ċaħdet it-talba tal-aħwa Degiorgio għal miżura interim biex tissospendi l-ġuri, u ordnatihom biex iħallsu l-ispejjeż b’rabta mat-talba li għamlu. L-imħallef iżda iddifferixxi l-kawża kostituzzjonali li għamlu huma għal Novembru biex tisma l-evidenza tagħhom.

L-avukat tal-għajnuna legali Joseph Bonnici, li qed jirrappreżenta lill-aħwa Degiorgio fil-kawża kostituzzjonali, għaliex fil-ġuri d-difiża qed tkun preparata mill-Avukat Simon Micallef Stafrace, fl-appell tiegħu sostna li sakemm is-sentenza li tiċħad miżura provviżorja ma titħassarx, l-“unika garanzija li tista’ tingħata hi li d-drittijiet fundamentali tal-appellanti jinkisru b’mod irrimedjabbli”.

L-aħwa Degiorgio qed jargumentaw li ma kellhomx ħin biżżejjed biex isibu avukati tal-għażla tagħhom u ġew assenjati avukati tal-għajnuna legali kontra x-xewqa tagħhom. L-aħwa spiċċaw mingħajr avukat wara li f’Awwissu li għadda William Cuschieri ddeċieda li ma jkomplix jidher għalihom.

L-akkużati qed isostnu wkoll li d-dritt tagħhom għal proċess ġust jista’ jiġi kompromess minħabba li ġurati potenzjali ilhom esposti għal pubbliċità dwar il-każ għal dawn l-aħħar ħames snin. Fir-rikors kostituzzjonali oriġinali tagħhom, l-aħwa Degiorgio talbu miżura provviżorja biex jipposponu l-ġuri sakemm ikun hemm l-eżitu tal-kawża tal-qorti kostituzzjonali.

F’waħda mis-seduti xehdu l-avukati tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace u Martin Farrugia li għandhom jiddeffendu lil-aħwa fil-ġuri, meta dan isir qalu kellhom bżonn żmien sostanzjali biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-muntanja ta’ provi , li tikkonsisti f’eluf ta’ dokumenti f’dan il-każ. Micallef Stafrace qal li fin-normalità ta’ ġuri ta’ dan it-tip għandu mas-sitt xhur biex jistudja u jkun preparat għall proċess.

L-avukat tal-għajnuna legali Joseph Bonnici qed jirrappreżenta lid-Degiorgios fil-proċeduri kostituzzjonali. L-Avukati Carina Camilleri Testa u Maurizio Cordina qed jidhru għall-AĠ u l-Avukat tal-Istat, rispettivament. F’isem il-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Eve Borg Costanzi.