Internazzjonali

L-Istati Uniti: Jeħel għomru l-ħabs għal massakru fi skola ta’ Florida

L-Istati Uniti:

Ġuri fl-Istat Amerikan ta’ Florida għadu kemm ikkundanna raġel li wettaq massakru fi skola biex jiskonta l-ħabs għal għomru. Dan meta kien hemm kull possibbiltà li l-imputat iħallas b’ħajtu għal reat li xxokkja lill-Amerika u issa ġid deċiż li hu għandu jqatta l-kumplament ta’ ħajtu fi priġunerija mingħajr l-ebda possibbiltà li jinħeles.

Il-verdett kien ikkonfermat wara jum ta’ deliberazzjonijiet mill-ġuri, fil-qorti ta’ Broward County,

L-imputat hu Nikolas Cruz, ta’ 24 sena,li kien ammetta ħtija għal 17-il akkuża ta’ omiċidju u attentati fuq il-ħajja tan-nies waqt sparatura li kienet seħħet fl-iskola ta’ Parkland, fi Florida. Dan sehh fl-14 ta’ Frar tal-2018.

Il-każ hu l-agħar wieħed li jinvolvi qtil tal-massa li qatt tressaq quddiem ġuri fl-Istati Uniti.

Il-ġuri kien ilu għaddej minn Lulju u l-prosekuturi qalu  li Cruz kien ippjana massakru sistematiku ta’ erbatax-il student u tliet membri tal-istaff fl-iskola ta’ Parkland wara li kien għamel riċerka partikulari fuq l-Internet.