Sport Sport Ieħor

Lijana Sultana tirbaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Settembru

Il-plejer tal-isquash Lijana Sultana rebħet l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Settembru, mogħti mill-Għaqda Ġurnalisti Sports

Sultana kisbet riżultat mill-aqwa meta fl-Awstralja rebħet il-Kampjonati Nazzjonali Awstraljani ta’ taħt is-17-il sena l-ogħla avveniment fejn jidħlu kompetizzjonijiet nazzjonali għaż-żgħażagħ. Madwar 200 atleta minn diversi stati u territorji minn madwar l-Awstralja, ħadu sehem fil-kategoriji tal-etajiet rispettivi tagħhom. Għal Sultana dan huwa t-tieni titlu ewlieni minn kemm ilha tgħix fl-Awstralja minn Jannar li għadda, fejn qed tkompli titħarreġ fil-Bradley Hindle Art of Squash Academy.

F’April rebħet l-Australian Junior Open, avveniment ieħor platinum fil-kalendarju tal-isquash fl-Awstralja. Il-preżentazzjoni uffiċjali tat-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar ser ssir aktar tard peress li Lijana Sultana tinsab barra mill-pajjiż.

Intant is-Segretarju Ġenerali tal-GħĠS Lorraine Cunningham flimkien mal-Business Development & Marketing Manager ta’ Atlas Insurance David Cassar taw l-awguri tagħhom lil Sultana b’mod virtwali.