Artiklu: Stewart Said
Appuntamenti internazzjonali oħra għal Peter Balzan matul din is-sena. Ir-referee Malti jinsab fi Kranj fis-Slovenja bħala parti mill-grupp ta’ referees li se jikkontrollaw il-logħbiet ta’ Grupp Ċ mill-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Euro Cup organizzata mil-LEN.
Għal dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni li jibda llum u jintemm il-Ħadd li ġej, b’kollox se jipparteċipaw sitt timijiet. Dawn huma Terrassa ta’ Spanja, Strasbourg ta’ Franza, Honved tal-Ungerija, Telimar Palermo tal-Italja, Valis Valjevo tas-Serbja u Triglav Kranj tas-Slovenja.
F’din il-fażi bikrija tal-kompetizzjoni, b’kollox hemm 24 tim parteċipant maqsuma f’erba’ gruppi. L-ewwel erba’ timijiet minn kull grupp javvanzaw għall-fażi li jmiss. Iż-żewġ timijiet l-oħra jkomplu fil-LEN Challenger Cup.
Peter Balzan se jkun parti mill-grupp ta’ referees flimkien ma’ Nikolaos Boudramis mill-Greċja, Alexandru-Andrei Mustata mir-Rumanija, it-Tork Akif Uz, Frank Ohme mill-Ġermanja u s-Slovakk Peter Radic. Ix-xahar li għadda, Balzan kien fost il-grupp ta’ referees waqt il-Kampjonat Ewropew tal-irġiel.
Illum flimkien ma’ Frank Ohme, Peter Balzan se jkun qed jikkontrolla l-partita bejn Honved Budapest u Terrasa.
//= $special ?>